Għawdex Knisja Lokali

Mons Anton Teuma konsagrat id-9 Isqof t’Għawdex

Il-Konsagrazzjoni Episkopali saret fir-Rotunda Arċipretali ta' San Ġwann il-Battista x-Xewkija

Il-Monsinjur Anton Teuma hu d-disa’ Isqof għad-Djoċesi Għawdxija.

Dan hekk kif, fir-Rotunda Arċipretali tax-Xewkija, iddedikata lil San Ġwann Battista, saret il-Konsagrazzjoni u l-Pussess Episkopali tiegħu.

Sal-ħin li ngħata is-simboli bħala r-Ragħaj il-ġdid tad-Djoċesi, iċ-Ċelebrazzjoni tmexxiet mill-Isqof Emeritus għal Għawdex Mario Grech, akkumpanjat mill-Arċisqof ta’ Malta Charles J. Scicluna, in-Nunzju Appostoliku għal Malta Alessandro D’Enrico u għadd ta’ Isqfijiet u Saċerdoti oħrajn.

Fl-Omelija tiegħu, Monsinjur Grech awgura lill-Monsinjur Teuma li jkun l-Ispirtu s-Santu li jgħinu jimxi t-triq u jmexxi lil ħutu l-Għawdxin fi Krisu.

L-Isqof Emeritus fakkar kif Ġesù dejjem talab lill-Knisja ma tingħalaqx fis-Sagristija, iżda tkun Knisja tat-Triq. Madankollu, l-Isqof ma jistax imexxi d-dgħajsa waħdu, jekk ulied il-Knisja ma jaqdfux fl-istess direzzjoni.

L-Isqof Grech iddedika l-Omelija wara li l-Vanġelu fakkar lill-Kongregazzjoni u lil dawk li segwew fuq it-televixin kif Ġesù baqa’ miexi mad-Dixxipli u għarfuh fil-qsim tal-ħobż, fi triqthom lejn Għemmaws.

Dwar dawn, Monsinjur Grech qal li mn’Alla kien Ġesù li għen lid-Dixxipli jsibu t-triq. U dan jgħodd anke għal-lum għax bit-tibdil li qed naraw fid-dinja qed iżidu dejjem aktar l-isfidi lill-Knisja.

Min-naħa tiegħu, fil-Mandat Appostoliku, il-Papa Franġisku talab lill-Monsinjur Anton Teuma biex iwettaq ir-rieda ta’ Alla. Dan filwaqt li faħħar il-kwalitajiet umani u saċerdotali tiegħu, flimkien mal-għarfien espert tal-ħtiġijiet tal-familji fi żmienna.

Iċ-ċelebrazzjoni tal-Ġimgħa segwiet Velja ta’ Talb li nżammet lejliet fl-Istitut tal-Familja Papa Ġwanni Pawlu II, li tiegħu Monsinjur Teuma hu Direttur Spiritwali.

Issa jmiss li l-Ħamis tinżamm il-Konċelebrazzjoni ta’ Radd il-Ħajr għall-Ministeru Episkopali ta’ Monsinjur Mario Grech, li issa hu l-Pro-Segretarju Ġenerali tas-Sinodu tal-Isqfijiet fis-Santa Sede. U l-Erbgħa 16 ta’ Settembru, l-Ingress Solenni ta’ Monsinjur Teuma.