It-tobba fir-Russja issa deċidew li l-Kap ewlieni tal-Oppożizzjoni, Alexei Navalny, jista’ jittieħed lejn il-Ġermanja għal trattament mediku. Id-deċiżjoni ttieħdet sigħat wara li l-istess tobba qalu li Navalny kien qiegħed ‘ħażin wisq’ biex ikun ittrasferit minn pajjiż għall-ieħor.
Is-sostenituri ta’ Navalny qed isostnu li l-Kap tal-Oppożizzjoni — kritiku kbir tal-President Russu Vladimir Putin — kien spiċċa vvelenat ftit qabel titjira interna. Huma fl-istess ħin insistew li l-awtoritajiet Russi ‘qegħdin jippruvaw jaħbu reat’.
Navalny, fil-preżent, jinsab f’koma wara li kien ħassu ħażin waqt it-titjira.
Is-sostenituri tiegħu, intant, kienu fissru d-deċiżjoni oriġinali tat-tobba biex Navalny jibqa’ jinżamm l-isptar f’Omsk bħala ‘theddida diretta għal ħajtu’. Huma referew ukoll għal rapport rigward ‘sustanza qerrieda li mhix perikoluża biss għal Navalny iżda anki għan-nies kollha ta’ madwaru’.
Fl-aħħar sigħat, tabib Russu sostna li ‘ma nstabu l-ebda traċċi ta’ velenu fit-testijiet li saru fuq il-Kap tal-Oppożizzjoni’.
In-nies madwar Navalny jemmnu li xi ħadd kien tefa’ sustanza velenuża fit-te ta’ Navalny waqt li hu kien qed jistenn għall-ajruplan fil-kafeterija tal-ajruport ta’ Tomsk.
U wara li attivisti fil-Ġermanja, kmieni llum, bagħtu ajruplan biex iwassal lil Navalny lejn Berlin, it-tabib ewlieni f’Omsk, sigħat ilu, kien wissa li kellhom ikunu riżolti xi aspetti legali ‘qabel setgħu jiċċaqalqu lill-Kap tal-Oppożizzjoni’.
Intant, jidher li l-intoppi ingħelbu, fost indikazzjonijiet li l-ajruplan bit-tagħmir speċjali mediku ‘qed iħejji’ biex iwassal lil Navalny lejn il-Ġermanja għal trattament.
//= $special ?>