Fil-finali tal-UEFA Europa League li ntlagħbet fil-istadium ta’ Cologne fil-Ġermanja, Sevilla għelbu lil Inter 3-2. Inter kellhom bidu tal-ħolm meta wara biss tliet minuti ngħataw penalty wara li Romelu Lukaku wara ġirja tajba twaqqa’ minn Diego Carlos fil-kaxxa bil-plejer ta’ Sevilla jkun ammonit. Minn ħdax –il metru l-istess LUKAKU għamilhom 1-0 biex b’hekk skorja l-34 gowl tiegħu f’dan l-istaġun.
Sevilla rrispondew għal dan il-gowl u minn cross ta’ Suso fit-13 –il minuta kien LUUK DE JONG li b’daqqa ta’ ras b’saħħitha għeleb lil Handanovic minkejja t-tentattiv li jsalva. Iż-żewġ timijiet komplew jaqsmu l-pusses tal-ballun bejniethom sakemm minn freekick ta’ Ever Banega fit-33 minuta reġa’ kien LUUK DE JONG li b’daqqa ta’ ras preċiża għeleb lil Handanovic għat-tieni darba. Wara biss żewġ minuti Inter ġabu d-draw fejn wara freekick preċiż ta’ Borzovic kien DIEGO GODIN li b’daqqa ta’ ras b’saħħitha għeleb lil Bounou.
Sekondi qabel tmiem l-ewwel taqsima, it-tim ta’ Julen Lopetegui resaq viċin li jidħol jistrieħ fil-vantaġġ meta minn cross ta’ Banega kien Lucas Ocampos li ra d-daqqa ta’ ras tiegħu tiġi salvata minn Samir Handanovic.
L-ewwel azzjoni denja ta’ nota fit-tieni taqsima waslet fl-64 minuta meta minn pass fit-tul ta’ Barella, Lukaku kkonkluda b’mod ċentrali u ra lil Bounou jsalva. L-Ispanjoli marru 3-2 fil-vantaġġ meta reġa’ kien freekick ieħor ta’ Ever Banega, bid-difiża ta’ Inter tonqos milli ttajjar u DIEGO CARLOS b’mod akrobatiku tefa’ fix-xibka bil-ballun jiddevja ma’ Lukaku. Fil-81 minuta s-sostitu Alexis Sanchez kellu l-konklużjoni tiegħu mtajjra’ minn fuq il-linja minn Kounde. B’hekk Sevilla rnexxilhom jiksbu dan it-trofew għas-sitt darba fl-istorja tagħhom.
//= $special ?>