L-eks Viċi-President tal-Istati Uniti, Joe Biden, qal li l-President Amerikan attwali, Donald Trump, ‘ħalla pajjiżu fid-dlam għal ħafna snin’ – filwaqt li wiegħed li jekk il-poplu jagħżel lilu bħala President, għandu ‘itemm din l-era karatterizzata mill-biża, rabja u diviżjoni’.
Biden, li fl-aħħar sigħat kien ikkonfermat bħala l-kandidat tal-Partit Demokratiku li se jisfida lil Trump għall-Presidenza fl-elezzjoni tat-3 ta’ Novembru, qed jiffaċċja l-ġimgħat kruċjali li jmiss b’vantaġġ fuq il-President skont l-aħħar stħarriġ ta’ opinjoni.
L-indirizz partikulari – li saret minn Wilmington, f’Delaware – ikkonkluda l-konferenza tal-Partit Demokratiku (li damet għal erbat ijiem fl-Istat ta’ Wisconsin) u qed jitqies bħala kapitlu ferm importanti fil-karriera politika ta’ Joe Biden li ilha għal kważi ħamsin sena.
Intant – u meta fadal xi 75 jum għad-data tal-elezzjoni – il-President Trump, tal-Partit Repubblikan, għad għandu ż-żmien biex inaqqar mid-distakk li qed jirrifletti l-istħarriġ.
Fid-diskors tiegħu, Biden qal li jekk il-poplu jafdah bil-Presidenza, hu ‘għandu joħroġ l-aħjar u mhux l-agħar tal-Amerikani’ waqt li jgħinhom ‘biex jerġgħu jaraw id-dawl wara l-aħħar snin mimlijin bi problemi u qtigħ il-qalb’.
Hu esprima fiduċja li l-Istati Uniti ‘se toħroġ ma ddumx mill-istaġun tad-dlam’ u li Gvern ġdid immexxi minnu għandu jagħżel it-tama minflok il-biża; il-fatti minflok l-istejjer qarrieqa – u bil-ġustizzja tingħata priorità fuq xi sens ta’ privileġġ,
Joe Biden enfasizza l-ħtieġa li l-poplu jaqbad it-triq lejn l-għaqda u r-riforma u li l-elezzjoni ta’ Novembru għandha tħalli impatt kbir fuq kif l-Amerikani se jgħixu ħajjithom fis-snin li ġejjin. Dan waqt li hu ħalef biex ‘ifejjaq pajjiż li spiċċa mifni mill-pandemija tal-Covid-19 kif ukoll minn katastrofi ekonomika u diżgwid fuq bażi razzjali’.
F’dan il-punt, Biden ikkritika lil Trump bħala ‘President li ma jieħux responsabbiltà għall-aġir tiegħu u li dejjem iwaħħal f’ħaddieħor għall-iżbalji tiegħu stess’. Biden kompla li Trump ‘hu dispost li jinħabb mad-dittaturi tad-dinja filwaqt li jferrex l-odju u l-mewġ tad-diviżjoni’.
Meta, imbagħad, irrefera għall-istatistika tal-mewt relatata mal-coronavirus fl-Istati Uniti, Joe Biden sostna li ‘il-President Trump naqas fid-dover bażiku tiegħu li jipproteġi lill-poplu’.
Matul l-aħħar lejl tal-konvenzjoni, id-Demokratiċi li kienu sfidaw lil Biden għan-nomina tal-partit biex jikkuntestaw għall-White House bagħtulu tapes b’messaġġi ta’ tifħir u awgurju.
F’każ li Joe Biden jirbaħ l-elezzjoni ta’ Novembru, uħud minn dawn l-eks-rivali – is-Senaturi Bernie Sanders, Elizabeth Warren, Amy Klobuchar u Cory Booker; l-eks membru tal-Kungress Beto O’Rourke; l-eks Sindku ta’ South Bend (Indiana) Peter Buttigieg u l-imprenditur Andrew Yang jistgħu ’l quddiem ikunu offruti karigi diversi fl-amministrazzjoni ġdida.
//= $special ?>