Lokali

AĠĠORNATA: Xarabank jitwaqqaf mix-Xandir tal-Istat

Ix-Xandir tal-Istat waqqaf il-programm Xarabank, li sal-aħħar stħarriġ tal-Awtorità tax-Xandir, għal diversi snin kien l-aktar programm segwit mill-istazzjonijiet kollha u f’kull ħin tal-ġurnata.

Kien il-preżentatur u l-moħħ wara l-programm, Peppi Azzopardi, li ħabbar dan fuq Facebook. Hu fakkar kif fit-23 sena li Xarabank ilu jixxandar, qatt ma nstab ħati ta’ żbilanċ, filwaqt li rebaħ diversi unuri televiżivi, partikolarment dawk relatati mal-ġrajjiet kurrenti u l-ġurnaliżmu investigattiv.

Peppi Azzopardi fakkar ukoll kif f’diversi ċirkostanzi, it-tim tal-programm ħa ħsieb li jiġbor miljuni ta’ ewro għal għaqdiet filantropiċi. Hu ħa l-okkażjoni jirringrazzja lill-għexieren ta’ persuni li ffurmaw parti mit-timijiet differenti ta’ Xarabank, kif ukoll lil dawk kollha li pparteċipaw fih matul dawn is-snin, iżda fuq kollox lill-eluf li baqgħu jsegwuh.

Dwar din id-deċiżjoni, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia qal li minflok iwaqqaf Xarabank, il-Gvern messu waqqaf il-propaganda li qed issir biex jaħbi skandli kbar – għax din issir minn flus il-poplu u b’detriment għall-poplu. Hu qal lil Peppi Azzopardi li “il-bieb mifuħ biex ikompli fejn ħalla, din id-darba b’libertà assoluta u mingħajr sarima”.