Lokali

Ferħ ta’ fjamingu jinqatel b’tir

Il-fjamingu kien għadu żgħir, maħsub li ta' ftit xhur.

Fjamingu instab mejjet fil-baħar fil-viċinanza ta’ Xrobb l-Għaġin, Delimara b’rapporti jgħidu li inqatel b’tir. Jidher li l-isparatura ġiet minn persuna li kienet fuq l-irdum.

BirdLife Malta qalet li persuna ċemplitilhom tgħidilhom li għal ħabta tat-8 ta’ dalgħodu semgħet sparatura bl-għasfur li kien qed itir intlaqat u spiċċa fil-baħar. Minkejja l-attentati tagħhom, l-għasfur miet ftit wara.

Il-fjamingu ttieħed għand vet tal-Gvern biex jikkonferma l-kawża tal-mewt tiegħu.

F’pajjiżna huwa kontra l-liġi li flamingu jinqatel hekk kif hu għasfur protett.

Fi stqarrija li ħarġu l-Kaċċaturi San Ubertu qalu li huma jiddisassoċjaw ruħhom minn din l-attività illegali. Huma fakkru li bħalissa l-istaġun huwa miftuħ biss għall-kaċċa u teħied tal-fenek salvaġġ filwaqt li żiedu jgħidu li atti illegali bħal dawn m’għandhomx x’jaqsmu ma’ kaċċa pprattikata skont il-liġi.

L-istess kundanna saret mill-Federazzjoni Kaċċaturi Nassaba Konservazzjonisti fi stqarrija, fejn qalet li x-xenarju mill-isbaħ ta’ fjamingu fil-baħar “m’għandux ikun imtebba b’att illegali u tal-mistħija bħal dak li ġie irraportat illum.” Il-FKNK qalet li persuni bħal dawn m’għandhom ebda post fil-Federazzjoni. Għaldaqstant, jekk jinsab min wettaq dan l-att vandalu u dan jinzerta membru tal-FKNK, il-Federazzjoni saħqet li s-sħubija tiegħu tkun immedjatament sospiża u skont is-sentenza tal-Qorti jista jkun imkeċċi minn membru.