Edukazzjoni Lokali

Għalliema jesprimu dubji serji dwar il-ftuħ tal-iskola

Talba biex il-Gvern jaffaċja r-realtà u jieħu azzjoni immedjata.

Għadd ta’ għalliema qed jitolbu lill-awtoritajiet konċernati biex jieħdu azzjonijiet konkreti hekk kif l-iskejjel mistennija jiftħu fil-ġimgħat li ġejjin.

Għalliema kitbet fuq il-paġna ta’ Facebook tagħha li hekk kif is-sena skolastika mistennija terġa’ tibda fi żmien ħames ġimgħat, ħadd għadu ma jaf kif se jkunu qed jimxu dwar is-sigurtà tagħhom fid-dawl tal-pandemija ta’ COVID-19.

Hi rreferit għal linji gwida li ngħatat il-ġimgħa li għaddiet, liema linji gwida huma l-istess li ngħataw lura f’Mejju meta pajjiżna ma kellux in-numri ta’ każijiet li qed naraw illum il-ġurnata.

Saret talba għal protokolli professjonali u dettaljati li jiġu implimentati minnufih qabel ikun tard wisq għas-saħħa tal-għalliema u l-istudenti. Saħqet li diġa jidher li dan hu impossibli meta tikkonsidra ż-żmien qasir li fadal.