Coronavirus Internazzjonali

Każijiet rekord u miżuri ġodda f’pajjiżi internazzjonali

Għadd ta’ pajjiżi madwar id-dinja kollha qed ikompli jiġġieldu din il-pandemija li jum wara jum qed tiswa’ l-ħajja ta’ ħafna persuni.

Diversi miżuri qed jiddaħlu f’għadd ta’ pajjiżi minn madwar id-dinja biex jipprovaw jikkontrollaw il-Coronavirus f’pajjiżhom, fosthom l-infurzar tal-kwarantina u l-għeluq ta’ postijiet ta’ divertiment.

L-Indja, rat rekord ġdid ta’ każijiet ġodda f’ġurnata b’iktar minn 69,000 każ. L-istess għall-Ġermanja hekk kif laħqet rekord ta’ każijiet ġodda f’24 siegħa f’dawn l-aħħar erba’ xhur. Total ta’ 2,034 każ ġdid irriżultaw fil-pajjiż biex b’hekk laħqu l-232,000 ta’ persuni infettati mill-bidu tal-pandemija s’issa, b’9,267 persuna tilfu ħajjithom kaġun tal-virus.  Qed issir ukoll kritika kbira minħabba l-ftuħ mill-ġdid tal-iskejjel hekk kif f’inqas minn ġimagħtejn kien hemm żieda sostanzjali fit-tixrid tal-COVID-19 fost l-għalliema u l-istudenti.

Minn naħa l-oħra, azzjoni immedjata qed tittieħed mill-Gvern tal-Korea t’Isfel hekk kif għadu kemm żied infurzar ġdid biex jiġu evitati attivitajiet tal-massa, fosthom ingħalqu l-knejjes u mhumiex aċċettati partitarji fil-grawnd waqt li jkun għaddej xi sport.

U hekk kif l-Ingilterra se ddaħħal kwarantina ta’ ġimagħtejn għal dawk li jidħlu fil-pajjiż, diversi Ingliżi qed jitilqu mill-pajjiżi li jinsabu fihom biex jevitaw li jqattgħu 14-il jum magħluqin ġewwa.

Iżda l-Isvezja qed tagħmel totalment l-oppost minkejja li għandhom rata għolja ta’ imwiet, fejn fost nuqqas ta’ miżuri hemm li reġgħu fetħu l-iskejjel, m’hemmx l-obbligu tal-ilbies ta’ maskra protettiva u ma kienx infurzat il-lockdown.