Edukazzjoni Ekonomija Lokali Saħħa

“Qed jinħolqu ghettos… in-nies inkwetati” – Adrian Delia

“Ħafna familji jinsabu mħassba mis-sitwazzjoni f’diversi lokalitajiet madwar pajjiżna, fejn żieda ta’ kriminalità qed twassal għal biża’ fost il-familji. Il-Partit Nazzjonalista jrid li jkun hemm pjan ħolistiku għal dawn iż-żoni biex ir-residenti jkollhom futur aħjar.“

Sostna dan il-Kap tal-PN Adrian Delia waqt intervista li saritlu fuq NET FM.

Adrian Delia qal li dan kollu huwa konsegwenza ta’ meta l-kriminalità tibda tnawwar lis-soċjetà minn fuq nett. Il-PN jemmen li għandna nħarsu mhux biss lejn aktar infurzar tal-liġi iżda jkun imfassal pjan ħolistiku.

Il-Kap tal-PN qal li għal ammont ta’ żmien, partikolarment taħt it-tmexxija ta’ Robert Abela, qed ikun hemm indħil mill-gvern fix-xandir pubbliku; xandir iffinanzjat mit-taxxi tal-Maltin kollha u allura jeħtieġ li jkun jirrifletti l-fehmtiet tal-Maltin kollha. 

Għall-kuntrarju ta’ dan, il-PN qed joffri proposti intiżi sabiex jissaħħaħ il-ġurnaliżmu indipendenti u x-xandir tal-istat ikun wieħed newtrali u awtonomu.

Dwar iċ-ċifri inkwetanti li ħarġu din il-ġimgħa, fejn jirriżulta li 83,000 persuna jinsabu fir-riskju ta’ faqar, Adrian Delia qal li huwa inkwetanti li jkollok il-problema tal-faqar daqstant mifruxa madwar is-soċjetà kollha. Minkejja l-ftaħir tal-gvern fuq is-surplus u fuq kif għandna ekonomija b’saħħitha, huwa ċar li dan il-ġid mhux qed jasal għand kulħadd. Fid-dawl ta’ dan kollu l-PN qed jiggarantixxi li gvern alternattiv Nazzjonalista jtejjeb l-livell ta’ għajxien tan-nies.

Il-Kap tal-PN Adrian Delia tkellem dwar kif l-istudenti jinsabu mħassba dwar l-eżamijiet tagħhom fid-dawl tal-imxija tal-COVID-19. Minkejja s-sitwazzjoni prekarja li qed twassal għal aktar stress u pressjoni fuq l-istudenti, il-ministru responsabbli mill-edukazzjoni Owen Bonnici mhux jieħu azzjoni konkreta u qed iħalli lill-istudenti fil-limbu. Dan kollu qed joħloq inċertezza wkoll fost il-ġenituri, li ma għandhom ebda serħan il-moħħ dwar dak li se jiġri fil-ġimgħat li ġejjin.