Bayern Munich rebħu l-finali tal-UEFA Champions League kontra Paris Saint-Germain bl-iskor intemm 1-0 ġewwa Estadio Da Luz fil-Portugall. Din hija s-sitt darba li t-tim Ġermaniż rebaħ dan it-titlu, b’Kingsley Coman ikun il-plejer li skorja l-gowl deċiżiv. Dan fisser li PSG huma s-seba’ tim li tela’ fil-finali għall-ewwel darba u tilef, bl-aħħar tim li rebaħ kienu il-Borussia Dortmund kontra Juventus fl-1997.
L-ewwel ċans wasal fil-ħames minuta minn xutt ta’ Thiago Alcantara ta’ Bayern Munich fejn tefa’ għoli.
PSG kellhom l-ewwel opportunità fit-18-il minuta wara li pass fit-tul ta’Kylian Mbappè mil-linja tax-xellug sab lil Neymar fejn prova għal gowl iżda sab lil Manuel Neuer li laqa tajjeb.
Fil-21 minuta l-Ġermaniżi marru viċin ħafna li jiftħu l-iskor meta cross ta’ Alphonso Davies sab lil Robert Lewandowski, li b’dahru lejn il-lasta rnexxielu jdur u ra x-xutt tiegħu li ħabatlu mal-lasta.
L-avversarji rrispondew immedjatament b’attakk minn Neymar li dawwar il-ballun ma’ Angel Di Maria u Ander Herrera biex fl-aħħar, Di Maria ra opportunità u xxutja kontra saqajk iżda tefa’ għoli ħafna minn pożizzjoni ideali.
Jerome Boateng li kien diġa dubjuż li jibda qabel il-partita minħabba weġgħa li ħass, ħareġ fil-25 minuta wara li l-uġigħ kompla ppersista, u floku daħal Niklas Sule.
Fin-nofsija logħob, Bayern Munich reġaw kienu viċin wara cross tajjeb ta’ Serge Gnabry sab lil Lewandowski li ta daqqa ta’ ras tajba però r-reazzjoni preċiża ta’ Keylor Navas ħelset dan il-periklu.
Fl-aħħar minuti tal-ewwel taqsima, Mbappe rebaħ il-ballun wara żball ta’ David Alaba fejn dawwar ma’ Herrera bil-ballun irritorna għand Mbappe fejn tefa xutt fil-baxx iżda l-gowlkiper laqa tajjeb. Bayern Munich irrispondew immedjatament b’kontra attakk, fejn wassal biex Kingsley Coman twaqqà fil-kaxxa iżda ir-referee ħass li ma seħħ l-ebda fowl, b’VAR ikkonfermat dan.
Bayern Munich skurjaw il-gowl deċiżiv wara s-siegħa logħob meta Lewandowski qassam il-ballun lil Joshua Kimmich, u b’cross fil-kaxxa, Coman ikkonkluda b’daqqa ta’ ras tajba.
L-istess azzjoni reġat ġiet repetuta ftit minuti wara, b’cross ta’ Kimmich sab lil Coman li din id-darba b’saqajh ipprova jkabbar il-vantaġġ iżda Thiago Silva rnexxielu jtajjar il-ballun fil-ħin.
Il-Franċiżi baqgħu jipprovaw jiskurjaw l-ewwel gowl tagħhom meta fis-70 minuta, Di Maria dar tajjeb u qassam lil Marquinhos li prova minn pożizzjoni ideali imma Neuer laqa tajjeb.
PSG komplew jiprovaw isibu l-gowl iżda kien kollhu għalxejn, u tilfu l-ewwel finali tagħhom fil-UEFA Champions League.
//= $special ?>