Lokali

‘Chats’ bejn Muscat u Yorgen Fenech

L-Interrogazzjoni tal-eks Prim Ministru Joseph Muscat mill-Pulizija iffokat fuq il-kontenut ta’ ‘group chat’ li kienet tinkludi lill-istess Muscat, l-eks chief of staff tiegħu Keith Schembri u l-imprenditur Yorgen Fenech, l-allegat kompliċi fl-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia.

Il-gazzetta MaltaToday tirrapporta li wara l-arrest tiegħu f’Novembru li għadda, Yorgen Fenech qal lill-investigaturi li Muscat kien staqsieh jekk Keith Schembri kienx jissemma’ fir-recordings li għamel il-middleman Melvin Theuma.

Il-gazzetta tkompli li din il-group chat kienet elevata mill-ismartphone to Yorgen Fenech u l-kontenut ta’ dawn iċ-‘chats’ jindikaw livell ta’ qrubija bejn it-tlieta li huma – fi kliem semplici, dawn ma kienux konversazzjonijiet bejn zewg persuni, izda fi grupp fejn kulhadd ikun qed jara dak kollu li jinkiteb.

Mistoqsi mill-MaltaToday dwar dawn iċ-‘chats’ Muscat qal li mhux se jikkummenta dwar dak li qed tassumi l-gazzetta li staqsewh il-pulizija. Irrepeta wkoll il-parir li kellu mingħand is-servizzi tas-sigurta’ biex iżomm il-komunikazzjonijiet li kellu ma’ Yorgen Fenech fuq livell normali sabiex ma jqanqalx suspetti.

Ir-rabtiet kummerċjali moħbija bejn Fenech u Keith Schembri bdew ħerġin tul dawn l-aħħar snin; l-ewwel fl-2016 meta sar magħruf li l-kumpanija fil-Panama Tillgate kienet ta’ Keith Schembri, u mbagħad f’Novembru tal-2018, meta sar magħruf li l-kumpanija 17 Black kienet ta’ Yorgen Fenech.

U l-miljuni li kellhom jgħaddu minn kumpanija għall-oħra permezz ta’ deals korrotti bħall-proġett tal-windfarms f’Mozura fil-Montenegro, kixfu r-relazzjoni kummerċjali bejn Schembri u Fenech.

Yorgen Fenech qed jallega li lejn il-bidu tas-sena li għaddiet, Joseph Muscat tkellem miegħu darbtejn dwar Melvin Theuma u jekk jissemmiex Keith Schembri; l-ewwel darba fil-famuż party fil-Girgenti meta tah żewġ fliexken inbid Petrus bħala rigal f’għeluq sninu u darb’oħra meta ssejjaħ f’Kastilja għal laqgħa mal-istess Muscat u Keith Schembri.

Iżda Muscat qed jiċħad li saret din il-laqgħa f’Kastilja.

Fenech ikompli li f’ħin minnhom Muscat kien wissieh li l-Pulizija se jkollha tagħmel raid fuq Melvin Theuma rigward ħasil ta’ flus minħabba pressjoni minn barra.

Mir-recordings, l-istess Melvin Theuma kien jaf li se ssir raid fuqu u fihom jissemma’ l-eks Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar bħala s-sors ta’ din l-informazzjoni.