Is-sitwazzjoni ta’ Alexei Navalny – il-Kap tal-Oppożizzjoni Russa u kritiku kbir tal-President tar-Russja, Vladimir Putin – baqgħet stabbli, sigħat wara li hu twassal bl-ambulanza tal-ajru lejn il-Ġermanja biex jingħata trattament urġenti għal suspettat każ ta’ ivvelenar.
Navalny, fi tmiem il-ġimgħa, ittieħed mir-Russja lejn l-ajruport ta’ Tegel, f’Berlin, wara li kien iddaħħal l-isptar f’Omsk, fir-Russja – u meta hu kien waqa’ f’koma. Hu, fil-preżent, qed jinżamm fl-isptar ta’ Charite f’Berlin u waqt li s-sostenituri tiegħu jinsistu li Navalny spiċċa vittma ta’ kumplott fuq ħajtu, il-Kremlin f’Moska baqgħet tirribatti kull akkuża f’dan is-sens.
Alexei Navalny, jiem ilu, kien ħassu ħażin ftit qabel qabad titjira minn Tomsk lejn Omsk ( fir-Russja) u qed ikun allegat li xi ħadd waddablu l-velenu fit-te li hu kien qed jixrob waqt li kien qed jistenna t-titjira.
L-aħħar rapporti qalu li Navalny, issa, qed jieħu n-nifs minn ventilatur u li ‘ma kienx affettwat ħażin mit-titjira lejn il-Ġermanja’.
Madankollu, is-sorsi infurmati wissew li Navalny xorta waħda għadu f’kundizzjoni kritika għall-aħħar u li ħajtu tinsab f’idejn it-tobba fl-isptar ta’ Charite li, sa ftit ilu, kienu qed jikkonkludu dijanożi medika estensiva.
Il-Gvern tal-Ġermanja, intant, awgura li t-trattament iwassal għal titjib notevoli fil-kundizzjoni ta’ Alexei Navalny.
//= $special ?>