Lokali

Ħabta bejn erba’ karozzi: raġel f’qagħda gravi

Raġel ta’ 41 sena residenti s-Swieqi ttieħed l-Isptar b’urġenza wara li sofra ġrieħi f’inċident ta’ traffiku bejn erba’ karozzi fis-Swieqi stess.

Stqarrija tal-Pulizija tgħid li l-inċident seħħ għall-ħabta tat-8.30p.m. tal-bieraħ fi Triq Sant’ Andrija meta seħħet ħabta bejn vettura Smart misjuqa mir-raġel ta’ 41 sena, vettura Nissan March misjuqa minn raġel Taljan ta’ 32 sena residenti San Pawl il-Baħar, Ford Fiesta misjuqa minn mara ta’ 43 sena residenti Ħaż-Żebbuġ u Peugeot 206 misjuqa minn żagħżugħ ta’ 22 sena residenti Raħal Ġdid.

Fuq il-post issejjħu membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili u tim mediku mill-Isptar Mater Dei li ħa lis-sewwieq tal-iSmart l-Isptar b’ambulanza, fejn iktar tard kien ċertifikat li qed isofri minn ġrieħi ta’ natura gravi.

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.