Lokali

Il-maġġoranza tal-poplu qed titlob responsabblità politika

54 fil-mija tal-poplu Malti u Għawdxi jemmen li għandha tintrefa’ r-responsabbiltà politika għas-sitwazzjoni attwali tal-Coronavirus f’pajjiżna … u dan b’kuntrast għall-appoġġ ta’ aktar minn 80 fil-mija li l-Gvern kellu tliet xhur ilu biss. Fost dawk li qed jitolbu r-responsabbiltà politika hemm terz ta’ dawk li qalu li tliet snin ilu vvutaw lill-Partit Laburista.

Dan kollu ħareġ minn stħarriġ ikkummissjonat minn The Sunday Times of Malta, li wera kif l-appoġġ lejn il-mod kif qed jaħdem il-Gvern niżel minn 83 fil-mija f’Mejju li għadda għal 40 fil-mija llum. Minn dakinhar, kienet kontroversjali d-deċiżjoni tal-Gvern li jiftaħ l-Ajruport u l-Portijiet, kif ukoll li jagħti permessi għal attivitajiet tal-massa.

Fost dawn tal-aħħar kien hemm parties b’DJs internazzjonali, li oriġinarjament kienu skedati li jsiru f’pajjiżi oħrajn. Madankollu, minħabba li l-pajjiżi l-oħrajn ma aċċettawx li dawn l-attivitajiet jsiru għandhom – fid-dawl tas-sitwazzjoni attwali tal-virus – il-Gvern Malti għażel li jaċċetta li jsiru f’pajjiżna.

Kawża ta’ dawn id-deċiżjonijiet kontroversjali tal-Gvern, f’pajjiżna rajna żieda drammatika ta’ każi attivi. Dan anke fid-dawl tad-dikjarazzjoni tal-Prim Ministru Robert Abela li l-mewġ jinsab biss fil-baħar …

… u d-dikjarazzjoni tal-Ministru tat-Turiżmu Julia Farrugia Portelli, li pajjiżna għandu l-mekkaniżmu adattat biex jikkontrolla s-sitwazzjoni.

Sadanittant, fl-istess stħarriġ irriżultat ukoll żieda fil-mewġa negattiva tal-poplu dwar kif il-Gvern qed jitratta din is-sitwazzjoni mill-aspett ekonomiku. Dan hekk kif minn tliet xhur ilu ‘l hawn, kien hemm żieda ta’ kważi d-doppju – minn 7 għal 13 fil-mija – fost dawk li jemmnu li l-Gvern mhux jitratta sew l-isfidi ekonomiċi kkawżati mill-Coronavirus.