Lokali

IL-QTIL DOPPJU F’TIGNE’: Teżi li tipponta lejn nies fin-negozju

Ħbieb ta' Chris u Ivor għadhom ixxukjati b'dak li seħħ din il-ġimgħa

Wara ħamest ijiem, għadhom ma nstabux il-qattiela li tard it-Tlieta bil-lejl ħasdu l-ħajja ta’ Chris Pandolfino u Ivor Maciejowski f’Tas-Sliema. Għalkemm il-Pulizija issa qed tikkonsolida t-teżi tagħha li dak tat-Tlieta kien delitt doppju riżultat ta’ vendetta minn nies fin-negozju li qabbdu lit-tliet hitmen u lir-raba’ wieħed li kien qed isuq il-vettura li ħarbu biha mill-post.

Dan is-sit hu infurmat li l-investigaturi qed janalizzaw numru ta’ rabtiet li kellha l-koppja fid-dinja tan-negozju. B’uħud mir-rabtiet ilhom snin fid-dominju pubbliku permezz ta’ informazzjoni li kienet ġiet żvelata mill-Konsorzju Internazzjonali tal-Ġurnalisti Investigattivi (ICIJ).

Il-fatt li ma kien hemm ebda taqlib fid-dar tal-koppja fi Triq Locker u l-fatt ma nsteraq ebda deheb, kompla jikkonvinċi lill-Pulizija li din ma kinitx serqa.

Il-Brittaniku ta’ nisel Pollakk, Ivor Maciejowski nqatel b’tir wiehed f’wiċċu. Filwaqt li l-katavru ta’ Chris Pandolfino li instab fis-sular t’isfel kellu tliet tiri ta’ pistola u mhux eskluż li qabel inqatel, issielet mal-aggressuri li daħlu fid-dar. Dan għaliex apparti t-tiri fatali, kien hemm mill-inqas żewġ tiri oħra.

Il-karozza li użaw l-irġiel li daħlu fir-residenza tal-koppja għadha ma nstabitx.

Intant, ħbieb ta’ Chris u Ivor li din il-ġimgħa tkellmu ma’ Net News qalulna li ma jistgħux jifhmu kif xi ħadd kellu tant qalbu iebsa li jivvendika ruħu b’dan il-mod, “kien x’kien dak li seta’ sar”.

Kienu bosta dawk li fl-aħħar jiem ħallew bukketi tal-fjuri mar-residenza tal-koppja bħala ġest ta’ tislima għall-memorja ta’ Chris u Ivor.