Futbol Sport

Il-UEFA tikkunsidra li żżomm il-format li użat fl-aħħar partiti tal-kompetizzjonijiet Ewropej

(Ritratt: EPA)

F’intervistà mal-midja internazzjonali, il-President tal-UEFA Aleksander Ceferin qal li l-UEFA qed tikkunsidra li żżomm l-istess format li l-UEFA użat din is-sena mill-fażi tal-kwartifinali sal-finali fiċ-Champions League u anke fl-Europa League.

Peress li dawn il-kompetizzjonijiet kellhom jitwaqqfu ħesrem lura f’Marzu li għadda minħabba l-pandemija tal-coronavirus, il-UEFA ħadet id-deċiżjoni li biex jitnaqqas ir-riskju li dan il-virus jkompli jinxtered tiġbor lit-timijiet kollha mill-fażi tal-kwartifinali sal-finali f’pajjiż wieħed, bil-partiti kollha jintlagħbu fuq leg wieħed.

Dan il-format irriżulta f’partiti aktar eċitanti u emozzjonanti. Il-partiti tal-UEFA Champions League saru kollha f’Lisbona filwaqt li dawk tal-UEFA Europa League saru fil-Ġermanja, bil-partiti kollha saru wara bibien magħluqa.

Ceferin ikkumenta li biex dan isir irid ikun ukoll aġġustat il-kalendarju tal-partiti internazzjonali. Il-ftehim dwar il-format li ntuża sal-istaġun li għadda jiskadi fl-istaġun 2024/25 u l-UEFA qed tiddiskuti x’jista’ jsir wara din il-fażi.