Internazzjonali

In-NATO tiċħad dwar ‘truppi barranin’ mal-fruntiera tal-Belarus

L-Alleanza tal-Punent – in-NATO – ċaħdet kategorikament għall-allegazzjonijiet tal-President tal-Belarus, Alexander Lukashenko, li ‘il-potenzi barranin’ qegħdin jikkontribwixxu għal ‘stakkamenti ta’ truppi’ mal-fruntiera ta’ pajjiżu.

Kelliema għan-NATO qalu li l-akkużi huma mingħajr bażi waqt li l-President Lukashenko – li fl-aħħar sigħat żar il-bażijiet militari u ċ-ċentri tat-taħriġ għall-Armata f’artu – ikkonferma li  hu qed ipoġġi lill-qawwiet militari tiegħu fuq stat ta’ ‘allert għoli’.

Sadanittant, fi tmiem il-ġimgħa, komplew il-protesti,  f’Minsk, dwar ir-riżultat tal-elezzjoni ta’ ġimgħatejn ilu fil-Belarus. Dan wara li l-Kummissjoni Elettorali kkonfermat ‘rebħa netta’ għal Lukashenko – minkejja l-ħafna indikazzjonijiet li l-proċess ma tmexxiex b’mod ġust jew xieraq.

Id-dimostranti , l-istess bħalma għamlu jiem ilu, insistew li Lukashenko — li ilu jmexxi lill-Belarus għal 26 sena — għandu jwarrab mill-poter.

Dan meta Lukashenko, issa, qed jakkuża lin-NATO b’li qed tipprova ‘tkisser lill-Belarus’ u b’li qed taħseb biex tqiegħed President ġdid (minfloku) f’Minsk.

Sadanittant, l-osservaturi huma mħassbin dwar l-aħħar kummenti ta’ Lukashenko, fejn il-President tenna li ‘it-truppi fil-Polonja u l-Litwanja huma viċin sitwazzjoni ta’ standby’ u li ‘hu(Lukashenko), b’konsegwenza ta’ dan, qed imexxi lill-qawwiet armati tiegħu lejn il-fruntiera tal-punent tal-Belarus’.

Alexander Lukashenko qed jidher konvint li l-qawwiet barranin ‘iridu jaqilbu l-awtorità preżenti f’Minsk’. Hu, sadanittant, qal li ħareġ direttivi stretti lill-kapijiet tas-sigurtà tiegħu ‘biex jieħdu l-aktar miżuri drastiċi biex jiddefendu l-integrità territorjali tal-Belarus’.

L-Alleanza tan-NATO kompliet tinsisti li hi ma timponi l-ebda theddida għall-Belarus jew pajjiż ieħor u li ‘(l-Alleanza) mhix taħseb biex tixpruna xi movimenti militari fir-reġjun.’

Fl-istess ħin, il-President tal-Litwanja, Gitanas Nauseda qal li r-reġim fil-Belarus qed jipprova, akkost ta’ kollox, idawwar l-attenzjoni ‘il hinn mill-problemi interni ta’ pajjiżu. Nauseda saħaq li Lukashenko u l-eqreb kollaboraturi tiegħu, issa, qed joħorġu bi stqarrijiet dwar theddid minn barra li ma għandhom l-ebda bażi fir-realtà.

Intant, il-Presidenza tal-Polonja qalet li jħossha sorpriża ħafna bi kwalunkwe suġġeriment li l-Pollakki jistgħu qegħdin jippjanaw id-distabbilizzazzjoni tal-Belarus  ‘u meta kliem bħal dawn huma kollha qlajjiet fuq bażi ta’ propaganda’.

L-awtoritajiet f’Varsavja, fl-istess ħin, insistew li l-Polonja mgħandha l-ebda intenzjoni għal xi ‘manuvra militari għall-iskaptu tal-Belarus’.

In-NATO, iżda, qed tħeġġeġ lill-Belarus biex jirrispetta d-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini tiegħu – meta dan il-pajjiż ilu l-ġranet mifni bi kriżi intena wara l-vot tad-9 ta’ Awwissu. Dan ukoll meta r-rebħa ta’ Lukashenko  qed tkun ikkunsidrata bħala waħda ‘mibnija fuq il-frodi’.

Id-dimostrazzjonijiet popolari kontra r-riżultat f’Minsk u bliet oħra tal-Belarus wasslu biex il-qawwiet tas-sigurtà lokali jirreaġġixxu b’forza eċċessiva, bir-riżultat li numru ta’ dimostranti tilfu ħajjithom.

Dan waqt li ħafna persuni li spiċċaw arrestati żvelaw li huma spiċċaw ittorturati fil-ħabsijiet u ċ-ċentri ta’ detenzjoni f’Minsk u bliet oħra tal-Belarus.

Intant, id-dimostranti li jopponu r-reġim ta’ Lukashenko, fl-aħħar sigħat, issieħbu f’rallies ġodda ta’ protesta fil-kapitali Minsk fejn komplew bl-għajta ewlenija għar-riżenja ta’ Lukashenko minn President.