Il-ġimgħa li għaddiet ġie fi tmiemu l-Kampjonat Garmin BSJ Open Water Swimming, bir-rebbieħa ġenerali jkunu Andre Camilleri u Sarah Demicoli. Din l-aħħar tellieqa kienet fuq distanza ta’ erba’ kilometri u saret fil-Bajja tas-Salina.
Ir-rebħa ta’ Camilleri u Demicol ma kinitx sorpriża minħabba li ż-żewġ għawwiema b’mod konsistenti kienu dejjem fuq quddiem tul dan il-kampjonat. Dan it-titlu huwa l-ewwel wieħed għal Andre Camilleri wara li kien rebaħ dak ta’ taħt l-14 –il sena fl-2015. Għal Sarah Demicoli min naħa l-oħra dan huwa s-sitt wieħed.
Din l-aħħar tellieqa serviet ukoll bħala kwalifikazzjoni għal dawk l-għawwiema li bi ħsiebhom jieħdu sehem fil-kompetizzjoni tal-għawm fil-fliegu bejn Malta u Għawdex gil-jiem li ġejjin. Kemm Camilleri kif ukoll Demicoli, f’din it-tellieqa kien l-ewwel li ħarġu mill-ilma. Wara Camilleri temm Stefano Debono Grech segwit miż-żagħżugħ Luca Vella.
Il-kategorija tan-nisa Kelsey Borg daħlet wara Demicoli segwita minn Martina Micallef. Fil-klassifika finali ġenerali, l-ewwel postijiet fil-kategoriji rispettivi tagħhom inkisbu minn Andre Camilleri u Sarah Demicoli. Fil-kategorija tal-irġiel Stefano Debono Grech u Luca Vella kisbu it-tieni u t-tielet post rispettivament, filwaqt li f’dik femminili Kelsey Borg u Martina Micallef.
Is-Segretarju Ġenerali ta’ Birkirkrara St Joseph Sports Club Euchar Camilleri qal li f’dan iż-żmien diffiċlu mhuwiex faċli li wieħed iżomm bilanċ bejn ir-regolamenti kollha tas-sigurtà waqt li tagħti lill-atleti esperjenza ta’ tellieqa tajba.
//= $special ?>