Lokali

“Kif ftaħna għal kulħadd dawn in-numri kienu inevitabbli” – Robert Abela

“Il-fatti illum juru li l-Gvern għamel management tajjeb tal-pandemija…”

Hekk sostna l-Prim Ministru Robert Abela f’intervista ma’ Lovin Malta l-Ħadd filgħodu, minkejja li l-fatti juru li l-Gvern Laburista kien wieħed reattiv għal kull deċiżjoni li ttieħdet minn Marzu ‘l hawn … minn meta l-Gżejjer Maltin bdew iħabbtu wiċċhom mal-Coronavirus.

Minn meta l-bibien ta’ pajjiżna reġgħu fetħu mill-ġdid, jiġifieri mill-1 ta’ Lulju – il-każi ġodda splodew b’1,047 – aktar minn 60% tat-total ta’ każi li ġew irreġistrati f’pajjiżna s’issa. Wara ħidma sfieqa mill-frontliners tagħna u s-sagrifiċċju kbir mwettaq mill-poplu – li wasslu għal tmint’ijiem konsekuttivi mingħajr l-ebda każ – fl-aħħar tmint ijiem ġew irreġistrati 369 … jew aktar każi mit-tliet xhur ta’ Mejju, Ġunju u Lulju f’daqqa.

Robert Abela f’intervista ma’ Lovin Malta

Filwaqt li ġimgħa ilu, il-Mexxej Laburista qal li Malta ma tilfitx il-kontroll fuq il-pandemija, issa qed jgħid li kien inevitabbli li jiżdiedu n-numri, anke minħabba l-fatt li ftaħna l-bibien tagħna lil pajjiżi oħrajn biex iżomm mal-wegħda li għamel li ried igawdi s-Sajf.

Robert Abela ammetta li r-realtà hi li issa n-numri qed jiżdiedu u dan wara li pprova kemm-il darba jserraħ imħuħ in-nies li l-mewġ kien jinsab fil-baħar u ċanfar lil min prova jqajjem aktar kuxjenza dwar il-pandemija billi ddeskrivihom bħala nies li riedu jfixklu l-ekonomija tal-pajjiż.

Mistoqsi dwar it-tqaċċit Xarabank minn fuq ix-Xandir tal-Istat, Abela saħaq li fl-ebda mument ma ta direzzjoni politika dwar dan is-suġġett. Iżda l-verità hi li għal darba darbtejn ta x’jifhem mod ieħor.

Robert Abela qal li jemmen bis-sħiħ li l-media għandha tkun fattwali. Iżda ma qalx li l-media tal-partit tiegħu ma tirrapportax – anzi tostor – iż-żieda fin-numru ta’ każi tal-Covid-19. Minflok, tinfexx f’attakki fuq in-negozjanti.

Saru attakki wkoll fuq iċ-ċittadin komuni minn Karl Stagno Navarra, wieħed mill-uċuħ prominenti fil-propoganda tal-Lejber.

Intant, Robert Abela saħaq li jemmen fl-imparzjalità tal-midja li trid issir minn kulħadd. Karatteristika li ma tantx rajna bħala fost oħrajn fuq il-programmi tal-istess Stagno Navarra – mhux l-ewwel darba protagonista ta’ attakki partiġġjani isteriċi.