Internazzjonali

Stati Uniti: Nirien f’Kalifornja dikjarati bħala ‘diżastru ewlieni’

Il-President Amerikan, Donald Trump, iddikjara s-sitwazzjoni tal-emerġenza f’Kalifornja – fejn in-nirien inkontrollabbli qed jeqirdu d-djar u medda ta’ foresta – bħala ‘diżastru ewlieni’. Trump ikkonferma li għandha tintbagħat l-għajnuna fuq livell federali lejn iz-zoni li qed iġarrbu l-akbar impatt tal-fjammi.

‘Il fuq minn 14,000 membru tal-iskwadri għat-tifi tan-nirien qed jikkumbattu talanqas 580 nar li qerdu ‘il fuq minn 400,000 ettari ta’ art. Sadanittant,  l-awtoritajiet meteoroloġiċi qed jistennew sitwazzjoni jerġa’ agħar, meta għandhom iqumu l-irwiefen li kapaċi jferrxu l-fjammi lejn l-inħawi  ta’ Kalifornja bi ‘preżenza akbar ta’ residenzi’.

L-aħħar rapporti qalu li fin-nirien mietu talanqas sitt persuni, b’eluf ta’ nies jispiċċaw evakwati mill-inħawi taħt theddida. L-akbar qerda, intant, seħħet minn tliet nirien kbar qalb zoni rurali ddominati minn foresta u muntanji. Dan meta l-Gvernatur ta’ Kalifornja, Gavin Newsom, irrefera għal nirien speċifiċi li qabdu lejn in-nofsinar u l-lvant ta’ San Francisco bħala ‘it-tielet l-akbar inċidenza ta’ nirien fl-istorja tal-Istat’.