Lokali

Tal-PBS irrabjati għal Manuel Cuschieri

Rabja u tħassib fil-Kamra tal-Aħbarijiet tal-PBS għall-mod kif l-eks President tal-Partit Laburista Manwel Cuschieri spiċċa jhedded lill-ġurnalisti li issa jmiss lilhom … wara li l-Gvern ta’ Robert Abela diġà qaċċat il-programm Xarabank.

Il-kumment ta’ Cuschieri sar bil-barka ta’ Kastilja, u wara aktar minn 24 siegħa, baqgħet ma ħarġet l-ebda kundanna għal dak li qal l-eks President tal-Partit fuq l-istazzjon tar-radju Laburista.

Iżda l-kumment ta’ Manwel Cuschieri qajjem rabja fil-Kamra tal-Aħbarijiet tal-PBS, speċjalment issa li din qed titmexxa minn Norma Saliba – mart il-preżentatur Laburista Manwel Micallef.

Fil-fatt, sorsi fi ħdan il-PBS qalu lil NET News li Saliba ħadet it-theddida ta’ Manwel Cuschieri daqslikieku attakk dirett kontriha. Dan anke fid-dawl tal-fatt li, kif żvela NET News il-Ġimgħa li għadda, hi u oħrajn fil-Kamra tal-Aħbarijiet issa qed jippuntaw għal programm il-Ġimgħa filgħaxija li jieħu post Xarabank.

Min-naħa l-ohra, it-theddida tal-eks President tal-Partit Laburista qed titqies bħala waħda li sserraħ moħħ il-preżentatur fuq il-media Laburista Karl Stagno Navarra u daqslikieku fetaħlu l-bieb għal programm garantit fuq ix-Xandir tal-Istat minn Ottubru li ġej.

It-theddida ta’ Cuschieri fuq il-Kamra tal-Aħbarijiet ittieħdet minn Norma Saliba bħala kumment dispreġġjattiv. Hi jidher li qed tagħmel pressjoni mal-Prim Ministru Abela biex jikkontrolla u jagħlaq ħalq Cuschieri, filwaqt li qed tistaqsi kif jista’ jkun dan għandu s-saħħa jiddeċiedi x’jixxandar fuq il-PBS.

Fl-istess waqt, is-sorsi qalu li kumment bħal dak ifisser ukoll aktar tensjoni fuq l-impjegati kollha tax-Xandir tal-Istat.