Coronavirus Lokali

55 każ ġdid ta’ Covid-19, ifiqu 43

Bejn il-Ħadd u t-Tnejn ġew irreġistrati 55 każ ġdid, filwaqt li rkupraw 43. Il-każijiet totali issa telgħu għal 1,772 ammont li issa jaqbeż iċ-ċifri uffiċjali ta’ New Zealand. Filwaqt li l-każijiet attivi huma 741.

Fil-grafika tal-lum intqal li mill-każijiet li nstabu lbieraħ 5 każijiet kellhom kuntatt ma’ familjari li għandhom il-virus, 2 li kellhom kuntatt waqt ix-xogħol, każ li għandu rabta mal-cluster ta’ Paceville, każ impurtat, u 4 każijiet oħra li kienu f'”gatherings”.

Dwar il-każijiet l-oħra ma ngħatat l-ebda informazzjoni għalhekk kollox jindika li dawn huma każijiet sporadiċi.

Sa issa fiequ 1,021 minn din l-imxija filwaqt li dan in-numru tal-lum huwa l-akbar ammont tul il-25 ġimgħa tal-imxija fostna.

Fl-aħħar 24 siegħa saru 2,200 swab test; testijiet li huma kemm xejn inqas minn dak li normalment kienu qed isiru f’dawn l-aħħar ġimgħat.

NET News qed jibqa’ jagħti stampa sħiħa tas-sitwazzjoni preżenti, inkluż l-immigranti rregolari. Dan wara li l-Prim Ministru qal li fl-istatistika uffiċjali, mhux se jibqgħu jingħaddu l-każi li jirriżultaw fost l-immigranti.