Internazzjonali

Belarus: Arrestati membri ewlenin tal-Oppożizzjoni…

Il-pulizija fil-Belarus arrestaw żewġ personalitajiet ewlenin tal-Oppożizzjoni, sigħat biss wara li ‘il fuq minn 100,000 dimostrant kienu ssieħbu f’rally kontra t-tmexxija tal-President, Alexander Lukashenko.

Dawn il-personalitajiet – Olga Kovalkova u Sergei Dylevsky – inġabru minn barra fabbrika, f’Minsk, fejn il-ħaddiema, bħalissa għaddejjin bi strajk bħala protesta kontra Lukashenko.

Kovalkova u Dylevsky huma parti minn kunsill ta’ koordinazzjoni li waqqfet Svetlana Tikhanovskaya, il-Kap tal-Oppożizzjoni tal-Belarus, li bħalissa hi kostretta li tgħix fil-Litwanja.

Intant, il-Litwanja tinsab għaddejja b’tilwima diplomatika mal-Belarus – bil-Ministeru għall-Affarijiet Barranin f’Vilnius jibgħat għall-Ambaxxatur Belarussjan fejn ilmenta miegħu dwar abbuż tal-ispazju tal-ajru tal-Litwanja.

Dan fost allegazzjonijiet li ħelikopter militari tal-Belarus qasam għal xi żmien lejn l-ispazju tal-ajru tal-Litwani bil-għan li jifqa’ bżieżaq miżbugħin bil-kuluri tal-Oppożizzjoni ( tal-Belarus) li kienu ntelqu fl-ajru.

Kelliema għall-Gvern ta’ Lukashenko qalu li l-bżieżaq kienu ‘simboli kontra l-Istat tal-Belarus’.

Minbarra l-aħħar dimostrazzjoni kbira, fil-Belarus, min-nies li jopponu r-reġim ta’ Lukashenko , numru enormi ta’ nies fil-Litwanja ngħaqdu id f’id biex jiffurmaw katina umana li ġebbdet mill-belt ta’ Vilnius sal-fruntiera tal-Belarus. Dan sar b’ġest ta’ solidarjetà u appoġġ mal-Oppożizzjoni fil-Belarus.