Lokali

“Ġiet minfuħa ftit iżżejjed” – Byron Camilleri dwar il-burdell tal-kokaina fl-AFM

“L-allegazzjoni jidher li ġiet minfuħa ftit iżejjed” – Kienu dawn l-ewwel kummenti tal-Ministru Byron Camilleri b’reazzjoni għal l-allegazzjonijiet serji li ħarġu fil-konfront ta’ ftit membri fil-Forzi Armati ta’ Malta – allegazzjonijiet relatati ma’ konsum ta’ droga kokaina fuq il-post tax-xogħol f’Lyster Barracks, f’dak li kien meqjus bħala Burdell tal-Kokaina.

Fi stqarrija li ħarġet l-AFM intqal li minn investigazzjoni interna, ma nstabet ebda evidenza li kienu kkunsmati drogi waqt il-ħin tax-xogħol. Intqal li saru testijiet tal-awrina fuq dawk il-membri imsemmija u r-riżultati ħarġu negattivi. Dan filwaqt li persuna waħda ma aċċettatx li tagħmel dan it-test u tkeċċiet minnufih mill-pożizzjoni li kien jew kienet tokkupa fil-Forzi Armati.

L-istqarrija qalet li l-investigazzjoni interna xorta kixfet ċerti nuqqasijiet li setgħu seħħew dakinhar u se tittieħed azzjoni dixxiplinarja kif meħtieġ. Mistoqsi biex jagħti iktar dettalji dwar dawn in-nuqqasijiet, il-Ministru inkarigat mill-AFM saħaq li r-rapport li ħareġ hu wieħed kunfidenzjali. Byron Camilleri insista li f’dan il-każ l-armata imxiet kif suppost.

Intant, għadu mhux ċar jekk il-Pulizija hux se tkun qed tinvestiga dan il-każ serju.