Lokali

Il-poplu għandu jinżamm infurmat b’dak li seħħ wara l-interrogazzjoni ta’ Joseph Muscat

Nhar il-Ġimgħa li għadda sar magħruf li Joseph Muscat, eks prim ministru u eks Kap tal-Partit Laburista ġie interrogat fid-Depot tal Pulizija. Għal din l-interrogazzjoni huwa maghruf illi Joseph Muscat, minħabba l-gravita’ tal-każ, saħansitra ħass il-bżonn li jkun assistit minn avukat.

Fi stqarrija maħruġa mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Ġlieda kontra l-Kriminalità Beppe Fenech Adami, il-PN qal li rapporti fil-midja jgħidu li tali interrogazzjoni kriminali mill-Pulizija saret in konessjoni mal-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia, l-involviment dirett ta’ Yorgen Fenech f’dan il-qtil u konnessjonijiet li kellu l-istess Yorgen Fenech ma’ Joseph Muscat u Keith Schembri.

Mal-ħatra tal-Kummissarju tal-Pulizija ġdid ftit tal-ġimgħat ilu, l-poplu kien ġie assigurat mill-istess Kummissarju illi huwa kommess illi jara li jkollna Korp li jżomm kuntatt u komunikazzjoni kontinwa mal-midja u jaġġornaha dwar ħidma li tkun għaddejja.

Is-sejħa għal interrogazzjoni fid-Depot tal-Pulizija ta’ Joseph Muscat, prim ministru sa ftit ġimgħat ilu u li ‘under his watch’ inqatlet Daphne Caruana Galizia,  hija storja bla preċedent li ħasdet il-pajjiż. F’pajjiż normali meta jkollok ex prim ministru interrogat fuq każ ta’ qtil ta’ ġurnalista, tkun il-Pulizija stess illi tinforma lil pubbliku b’dan l-iżvilupp drammatiku u tispjega dak li jkun qed iseħħ. Sal-lum erbat ijiem wara li Joseph Muscat ġie interrogat ma kien hemm ebda stqarrija mill-Pulizija. Dan is skiet min-naħa tal-Korp jinkwieta lill-poplu.

L-Oppożizzjoni Nazzjonalista tinsisti li l-Pulizija jinfurmaw u jaġġornaw lill-pubbliku b’dak li qed iseħħ sabiex kulħadd ikollu s-serħan tal-moħħ li dawk kollha involuti fl-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia, direttament jew indirettament, anke b’att ta’ ommissjoni ssir ġustizzja magħhom.