Knisja Kultura Lokali

Inawgurata pittura ġdida f’kappellun fil-Knisja ta’ San Publju

Il-Ħadd ġiet inawgurata pittura ġdida fil-Kappellun tar-Rużarju fil-Knisja Arċipretali ta’ San Publju fil-Floriana. Il-pittura hija tal-artist John Grima.

Il-pittura fost l-oħrajn tirrapreżenta l-ġrajja li tinsab fl-Atti tal-Appostli, għal meta l-poplu Malti laqa’ lil San Pawl u lil dawk kollha li kienu miegħu tul in-nawfraġju.

Hemm ukoll il-pitturi tal-Arċisqof Emeritus Gużeppi Mercieca u Pawlu Cremona, tkomplija mal-pitturi li diġà hemm fil-Korsija tal-Arċisqfijiet tad-Djoċesi Maltija.

https://www.facebook.com/publjuparishfloriana1844/posts/1052156985256579

Il-Furjaniżi lbieraħ iċċelebraw il-festa ta’ San Publiju, minflok fis-26 t’April meta kellhom jiċċelebrawha. Il-festa kienet posposta minħabba l-Coronavirus.

L-Arċisqof Charles J. Scicluna ċċelebra quddiesa pontifikali fil-5.30pm, dan hekk kif ukoll kien hu dak li bierek din il-pittura l-ġdida.

Fil-paniġierku tiegħu l-Arċisqof tenna biex il-poplu Malti jdur lejn San Publju, Protettur ta’ Malta, u jitolbu biex iħares lil dawn il-ġzejjer tiegħu. Huwa appella biex il-politiċi u l-mexxejja ta’ żminijietna, jimxu fuq il-passi li kien wettaq Publju bħala mexxej tal-ġżejjer Maltin, jifhmu li jridu jwettqu l-ħniena mal-proxxmu, u fl-istess waqt jaġixxu dejjem bis-sewwa.