Internazzjonali

Indikazzjonijiet mill-Ġermanja li Navalny spiċċa vvelenat….

Kelliema għall-Isptar ta’ Berlin fejn qed ikun trattat il-Kap tal-Oppożizzjoni Russa, Alexei Navalny, qalu li l-indikazzjonijiet kollha qed juru li hu kien spiċċa vvelenat ‘minn sustanza partikulari’.

L-informazzjoni qed tibbaża fuq diversi provi kliniċi li saru mindu Navalny ttieħed b’urġenza mir-Russja lejn il-Ġermanja wara li kien waqa’ f’koma b’effett tas-sustanza partikulari.

L-istqarrija kompliet li l-kundizzjoni ta’ Navalny hi ‘serja iżda ma jidhirx li tista’ tiswielu ħajtu’.

Alexei Navalny — magħruf bħala kritiku kbir tal-President Russu Vladimir Putin — kien marad nhar il-Ħamis li għadda, ftit wara li tela fuq ajruplan, fl-ajruport ta’ Tomsk, għal titjira interna fir-Russja.

L-ajruplan kien għamel inżul ta’ emerġenza f’Omsk fejn Navalny kien trattat b’urġenza għall-kundizzjoni tiegħu — u bis-sostenituri tiegħu ma jitilfux żmien biex jesprimu suspetti li xi ħadd kien tefa’ l-velenu fit-te li kien qed jixrob Navalny qabel qabad it-titjira.

It-tobba fir-Russja, jiem ilu, insistew li ma nstab l-ebda velenu fil-ġisem tal-Kap tal-Oppożizzjoni u suġġerew li Navalny kien qed ibati minn ‘problemi fil-metaboliżmu’ tiegħu.