Lokali Saħħa

“Qishom ħaddiema tat-tieni klassi” – MUMN

Il-ħaddiema tat-tliet sptarijiet m’għandhomx jibqgħu jkunu kkunsidrata bħala ħaddiema tat-tieni klassi.

Dikjarazzjoni ċara mill-Union tal-Infermiera u l-Qwiebel f’konferenza tal-aħbarijiet li saret it-Tnejn filgħodu quddiem l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex.

L-MUMN għamlet diversi tentattivi biex tipprovdi l-istess meal allowance mogħti lill-ħaddiema tal-kura tas-saħħa f’Malta, lill-ħaddiema tal-kura tas-saħħa li jaħdmu fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex, St’ Lukes u fl-Isptar Karen Grech.

Il-President tal-MUMN Paul Pace qal li l-union pruvat torganizza laqgħa biex ikunu finalizzati dawn ir-rati l-ġodda għall-meal allowance sabiex il-ħaddiema tas-saħħa tal-Gvern ikunu trattati ugwali. 

Għalkemm il-Diviżjoni tas-Saħħa kif ukoll Steward Health Care m’għandhom ebda oġġezzjoni li l-impjegati tat-tliet sptarijiet jirċievu dan l-allowance, l-MUMN u l-membri tagħha għadhom ma jafux meta se jibda jingħata dan l-allowance.

Paul Pace qal li sfortunament bi Stewert Health Care, pajjiżna ma ra ebda investiment fil-qasam tas-saħħa. Saħaq li jekk sa nhar l-Erbgħa ma jintlaħaqx fethim, se jkunu qed jittieħdu azzjonijiet industrijali mill-MUMN.

L-appell tal-MUMN huwa biex jintlaħaq ftehim immedjatament, għaliex fin-nofs hemm is-saħħa tal-poplu Malti u Għawdxi kollu.

B’risposta għal dan, fi stqarrija Steward Health Care qalu li min-naħa tagħhom m’għandhom ebda oġġezzjoni li dawn l-infermiera jingħataw dan l-allowance.

Huma saħqu li huwa fir-responsabbiltà tal-Ministeru tas-Saħħa li dawn l-impjegati jingħatalhom dan l-allowance.

Intant, b’reazzjoni għal dan, fi stqarrija, Steward Healthcare saħqu li ilhom jistennew direzzjoni mill-Ministeru tas-Saħħa wara t-talba li għamlet l-MUMN fir-rigward tal-allowances li qed jingħataw lill-impjegati tal-gvern fl-isptarijiet ta’ Steward.

L-istqarrija qalet li wara talba li saret f’Ġunju li għadda dwar il-kwistjoni mill-unjoni, din tal-aħħar ħarġet b’tilwima industrijali. Minn dakinhar Steward kienet f’diskussjonijiet mal-Ministeru tas-Saħħa u tistenna direzzjoni oħra dwar il-kwistjoni.

Il-kumpanija li għandha tliet sptarijiet Maltin taħt idejha saħqet li l-pożizzjoni tagħha kienet ċara mill-bidu nett li m’għandha l-ebda oġġezzjoni fil-prinċipju għall-impjegati li jaħdmu fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex, l-Isptar Karin Grech kif ukoll fl-Isptar San Luqa li jingħataw l-istess allowance għall-ikel bħall-kontropartijiet tagħhom fi sptarijiet oħra. Dan ġie kkomunikat lill-union u lill-Ministeru tas-Saħħa f’diversi okkażjonijiet minn meta saret it-talba.

Dawn il-kwoti huma r-responsabbiltà tal-ministeru u mhumiex fid-diskrezzjoni ta’ Steward kompliet tgħid l-istqarrija.

Finalment, Steward saħqu li filwaqt li d-dritt għall-azzjoni industrijali huwa dritt kostituzzjonalment protett li dejjem se jirrispetta, Steward tħeġġeġ lill-partijiet interessati biex jiftakru li l-azzjoni industrijali m’għandhiex issir għad-detriment tal-benessri tal-pazjenti. Id-dmir ewlieni ta’ Steward jibqa’ s-saħħa tal-komunitajiet Maltin u Għawdxin li jservi, temmet tgħid l-istqarrija.