Fid-dawl tal-aħħar statistika pubblikata mill-Gvern lejn l-aħħar tal-ġimgħa li għaddiet, il-Partit Nazzjonalista jinsab imħasseb dwar in-numru ta’ inċidenti li qed iseħħu fil-qasam tal-propjeta’, partikolarment fuq siti tal-kostruzzjoni.
Fi stqarrija maħruġa mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni għat-Trasport u Mobbiltà, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali Toni Bezzina u mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Artijiet, il-Kostruzzjoni u Ippjanar Sostenibbli Kevin Cutajar, il-PN qal li minn din l-istatistika jirriżulta li fl-ewwel nofs tas-sena 2020, kien hemm żieda fl-inċidenti mhux fatali fost il-ħaddiema fil-qasam tal-kostruzzjoni, dan meta wieħed iqabbel mal-istess żmien tas-sena 2019. Minn barra hekk, ġie wkoll irrapurtat li għall-ewwel nofs tas-sena 2020, s-settur tal-kostruzzjoni jibqa’ dak li fih sfortunatament ġie reġistrat l-ikbar ammont ta’ inċidenti, b’perċentwal ta’ 16.7%. Ma’ dawn in-numri xejn sbieħ, jiżdiedu dawk tal-inċidenti gravi, uħud minnhom sfortunatament fatali, li seħħew b’rabta mal-qasam tal-kostruzzjoni, kemm fost ħaddiema, kif ukoll fost persuni li jabitaw viċin siti fejn kien qed iseħħ żvilupp. Għal dawn iċ-ċifri, r-responsabbilta’ taqa’ speċjalment fuq spallejn il-Gvern Laburista u dan għal dawn ir-raġunijiet:
- Il-Gvern għadu ma biddilx l-Avviż Legali 136 li daħħal hu stess is-sena l-oħra b’ħafna għaġla meta l-qasam tal-bini daħal fi kriżi għax sfortunatament bdew jikkrollaw id-djar. Il-Partit Nazzjonalista u stakeholders oħra ilhom ħafna jilmentaw dwar dan, partikolarment dwar il-konfużjoni li dan l-Avviż qed joħloq fl-irwoli u r-responsabbiltajiet fil-qasam tal-kostruzzjoni, liema konfużjoni qed tkompli titfa s-settur fi kriżi. Il-Gvern u partikolarment il-Ministru Ian Borg baqgħu m’għamlu xejn u dan minkejja l-wegħda ta’ dan tal-ahhar f’letter of commitment mal-Kamra tal-Periti datata 2 ta’ Awissu 2019 u cioe` aktar minn sena ilu, fejn suppost li kellhom jiddaħħlu regolamenti ġodda b’qafas modern għas-settur tal-kostruzzjoni sa Ottubru 2019.
- Il-Gvern u partikolarment il-Ministru Ian Borg baqgħu ma ressqux fil-Parlament tibdil bżonnjuż fir-rigward tal-Att Dwar il-Periti, meta dan suppost li kellu jsir sa Settembru 2019. Dan b’detriment għall-professjonisti u s-settur tal-kostruzzjoni.
- Il-Gvern u partikolarment il-Ministru Ian Borg waqgħu lura ħafna fir-riforma li suppost għandha tibdel l-aġenzija għall-bini u l-kostruzzjoni f’awtorita’ b’sahhitha u moderna u minbarra hekk, l-aġenzija tħalliet nieqsa mir-riżorsi biex ikun jista’ jsir monitoraġġ u infurzar xieraq fil-qasam tal-kostruzzjoni.
- Il-Gvern baqa’ jkaxkar saqajh u għadu ma pronunċjax ruħu dwar il-konklużjonijiet tal-Kummissjoni li ħatar il-Prim Ministru Robert Abela wara t-traġedja tal-Ħamrun ta’ Marzu li għadda, liema Kummissjoni kellha l-irwol li tistħarreġ it-tibdil li hu meħtieġ fil-qasam tal-bini. Dan minkejja li kif stqarr il-Gvern stess, it-tibdil huwa urġenti.
Peress li l-Gvern u partikolarment il-Ministru Ian Borg qed ifallu milli jirregolaw b’mod xieraq is-settur tal-bini, dan qed iwassal biex l-inċidenti fuq siti tal-kostruzzjoni jibqgħu jiżdiedu, hekk kif tikkonferma l-istess statistika maħruġa mill-istess Gvern Laburista.
//= $special ?>

