Tliet Spetturi Anzjani fil-Korp tal-Pulizija li kienu applikaw għall-mili ta’ vakanzi għal Supretendenti fil-Korp tal-Pulizija u għaddew b’suċċess fil-konkors tal-għażla, ftit aktar minn erba’ xhur wara ġew mgħarrfa li huma weħlu mill-eżami.
L-Ispetturi Malcolm Bondin, Priscilla Caruana Lee u Jesmond Micallef f’ittra uffiċjali li huma ppreżentaw fil-Prim Awla tal-Qorti Ċivili kontra l-Kummissjoni għas-Servizz Pubbliku, is-Segretarju Permanenti fil-Ministeru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali u l-Kummissarju tal-Pulizija qalu li wara li kienu eliġibbli biex japplikaw, huma għaddew b’suċċess.
Tant hu hekk li fil-5 ta’ Marzu 2020, l-Kummissjoni għas-Servizz Pubbliku ppubblikat ir-riżultat uffiċjali u minn fejn irriżulta li t-tliet Spetturi kienu għaddew b’suċċess.
Madankollu kien hemm konkorrenti oħa, li bi dritt ressqu petizzjoni quddiem il-Kummissjoni għas-Servizz Pubbliku, u dan mingħajr lanqas kienu mgħarrfa l-Ispetturi Bondin, Caruana Lee u Micallef, u konsegwenza ta’ dan l-imsemmija Kummissjoni waslet għall-konklużjoni li dawn kellhom ir-riżultat tagħhom rivedut fis-16 ta’ Lulju 2020 u ġew mgħarrfa li l-marki tagħhom kienu nbidlu minn wieħed ta’ pass għal wieħed ta’ fail.
Minn korrispondenza tal-istess Kummissjoni, jirriżulta li hija stess fehmet illi kien hemm min intlaqat ħażin, u b’mod negattiv minn dawn id-deċiżjonijiet ta’ reviżjoni.
Fil-fatt kien hemm Spetturi oħra li diġa’ fetħu proċeduri f’dan is-sens fejn dawn qed jallegaw li l-Kummissjoni għas-Servizz Pubbliku, m’għamlitx l-affarijiet kif suppost.
L-ittra uffiċjali tgħid ukoll li l-Ispetturi kellhom l-aspettattiva leġittima li jżommu ma’ dak ir-riżultat ta’ pass. Anke jekk l-Kummissjoni m’għandhiex id-dover li toqgħod ma’ istituzzjonijiet oħra li jirregolaw l-eżamijjiet bħal Matsec f’ Malta u enitajiet oħra edukattivi internazzjonali bħal dawk ta’ London u Oxford, il-kontestazzjoni għandha dejjem tkun għal meta wieħed jeħel minn eżami u li għandu dritt ta’ ‘revision of papers’ u mhux bil-maqlub, li wara li jgħaddi mill-eżami, jiġi mgħarraf li weħel.
Fid-dawl ta’ dan kollu t-tliet Spetturi mġarrfa qegħdin jitolbu lill-Kummissjoni għas-Servizz Pubbliku, is-Segretarju Permanenti fil-Ministeru għall-Intern u Sigurtà Nazzjonali u l-Kummissarju tal-Pulizija biex jiġi rtirat ir-riżultat rivedut pubblikat fis-16 ta’ Lulju, u jibqa’ fis-seħħ ir-riżultat oriġinali tal-5 ta’ Marzu, u li dan għandu jiġi fis-seħħ fi żmien ġimgħa, u li fin-nuqqas ta’ dan l-Ispetturi konċernati, lesti li jieħu passi oltre skont il-liġi. L-Ittra Ufiċċjali ġiet ippreżentata mill-Avukat Ian Spiteri Bailey.
//= $special ?>