Atletika Sport

Jinkisru bosta rekords fil-Kampjonati Nazzjonali

(Ritratt: Wally Galea)

Fi tmiem il-ġimgħa niżel is-separju fuq l-istaġun tal-atletika bil-Kampjonati Nazzjonali tal-Atletika Cavalieri Art Hotel li saru fl-istadium Matthew Micallef St John fil-Marsa.

Minkejja s-sħana kbira li kien hawn f’pajjiżna fi tmiem il-ġimgħa, waqt it-30 avveniment tal-atletika li saru, inkisru 16 –il rekord. L-aktar prestazzjoni memorabbli minn dawn il-Kampjonati kienet dik ta’ Janet Richards ta’ Pembroke Athleta li kisret ir-rekord tal-400m li kien twaqqaf minn Tanya Blake 17 -il sena ilu waqt il-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar. Richards temmet it-tellieqa f’54.06. Hi rritornat fil-kompetizzjoni tal-200 metru fil-ġurnata ta’ wara fejn ukoll irnexxiela tirbaħ.

Antonio Flores ta’ Żurrieq Wolves kompla jtejjeb il-prestazzjonijiet tiegħu u waqqaf żewġ rekord nazzjonali paralimpiċi fit-T64 100m u fil-200m. Daniel Saliba ta’ Pembroke Athleta kiser it-tielet rekord nazzjonali din is-sena meta fil-110m hurdles kiseb ħin ta’ 15.30.

Jacob Elaida Chaffey ta’ Starmax kiseb it-tieni doppjetta f’sentejn fl-isprints fil-100m u fil-200m. Carla Scicluna ta’ Pembrok rebħet il-100m tan-nisa fejn irreġistrat ħin ta’ 12,11. Dillion Cassar irnexxielu jgħeleb lil Charlton Debono b’ħin ta’ 14:59.10

Fi tmiem il-Kampjonati, il-President tal-MAAA, Andy Grech qal li l-futur tal-atletika f’pajjiża huwa wieħed inkoraġġanti fejn permezz ta’ xandira diretta fuq il-mezzi soċjali dawn il-Kampjonat rawhom aktar minn 3,000 persuna.