Il-Pulizija Maltija tas-‘Central Intelligence & Analysis’, flimkien mal-Pulizija Maltija tal-Interpol fi ħdan it-Taqsima tar-Relazzjonijiet Internazzjonali, arrestaw ċittadin Malti li kien imfittex fuq reati serji li allegatament twettqu fl-Istati Uniti.
Ġimgħat ta’ investigazzjonijiet mill-Pulizija Maltija ħallew il-frott hekk ġie stabbilit li r-raġel qiegħed jgħix u jaħdem f’Malta. Permezz ta’ Mandat ta’ Arrest Internazzjonali maħruġ mill-Istati Uniti, illum għall-ħabta 07.15, il-Pulizija arrestaw ir-raġel fid-dar tiegħu f’San Pawl il-Baħar.
Ir-raġel, li għandu 57 sena, huwa mfittex mill-awtoritajiet Amerikani għal reati relatati ma’ attivitajiet sesswali ma’ minorenni taħt is-16-il sena. Mill-investigazzjonijiet illi saru jirriżulta li r-reati li għalih huwa mfittex seħħew fl-Istati Uniti. Il-Pulizija Maltija tikkonferma li ma sar ebda reat tal-istess natura f’Malta, mill-persuna arrestata.
Ir-raġel issa mistenni jitressaq il-Qorti fil-jiem li ġejjin sabiex jibdew il-proċeduri ta’ estradizzjoni lejn l-Istati Uniti. Il-Prosekuzzjoni se titmexxa mill-Pulizija Maltija tal-Interpol flimkien mal-Avukati fi ħdan l-Uffiċju tal-Avukat Ġenerali.
//= $special ?>