Għal sena oħra ġiet ċċelebrata l-festa ta’ Santa Marija fil-Parroċċa tal-Imġarr f’ċirkustanzi differenti mis-soltu. Il-komunità tal-Imġarr għexet l-mument tal-festa filwaqt li kienu mħarsa l-miżuri ta’ prekawzjoni kontra t-tixrid tal-imxija.

Minn ġimgħat qabel kienu bosta dawk li saqsew dwar l-offerta għall-irfiegħ tal-vara u jekk din kienetx se ssir din is-sena. F’ċirkustanzi li ma jitolbux mod ieħor, din is-sena ma ġarax bħas-snin ta’ qabel fejn mat-tokk ta’ nofsnhar, biswiet l-istatwa tal-ġebel ta’ Santa Marija, għad-dell tal-kampnar, gruppi differenti ta’ nies jixħtu l-offerti tagħhom.

Minkejja kollox, l-Imġarrin żammew ħajja din t-tradizzjoni tal-offerta billi għal din is-sena ġabru bejniethom l-offerta tagħhom għall-parroċċa, b’somma sabiha ta’ €5,000. L-offerta għall-irfiegħ tal-vara mhux biss hija karatteristika tal-festa Imġarrija, imma kontribuzzjoni biex l-Parroċċa tkun tista’ tkompli bix-xogħol pastorali tagħhna. Għotja ġeneruża li toħroġ minn drawwa antika fl-Imġarr, u li din is-sena spikkat fiha t-tifsira veru ta’ din id-drawwa.
L-offerta ta’ din is-sena, bħal l-offerti tas-snin ta’ qabel, tmur biex il-parroċċa tal-Imġarr tkompli tkun ta’ sapport għall-ħajja komunitarja.
//= $special ?>