Ir-raġel Awstraljan li f’Marzu tal-2019 qatel 51 persuna meta attakka żewġ moskej fi Christchurch kien qed jippjana biex jattakka moskea oħra, bil-ħsieb li jżid l-ammont tal-vittmi Musulmani sal-massimu possibbli.
Il-qattiel – Brenton Tarrant – kellu wkoll il-ħsieb li jagħti n-nar lill-moskej u jħalli warajh dmija fuq livell storiku, skont l-aħħar parti tas-smigħ fil-qorti qabel joħroġ il-verdett.
Tarrant, li għandu 29 sena, ammetta l-ħtija rigward 51 akkuża ta’ omiċidju; 40 akkuża dwar attentat ta’ qtil u akkuża waħda ta’ terroriżmu. Intant qed tissemma l-possibbiltà li Brenton Tarrant jingħata l-ħabs għal għomru bil-kundizzjoni li hu ma jerġa’ jgħix qatt fil-libertà tul ħajtu.
Tarrant, issa, ikkonfronta lin-nies li għexu mill-attakki u l-qraba tal-vittmi li kienu attenti għall-iżviluppi mill-awla tal-Qorti Għolja ta’ Christchurch. Minħabba r-restrizzjonijiet tal-Covid-19, l-awla ewlenija tal-qorti kienet relattivament vojta– b’mijiet isegwu l-proċedura permezz ta’ video feed minn kumplessi tal-qorti oħra fi Christchurch minħabba l-miżuri għal distanzi soċjali.
Intant, diversi xeni mill-attakki li wettaq Tarrant fil-15 ta’ Marzu tal-2019 kienu ġew trasmessi, dakinar, b’ livestream provdut mill-aggressur fejn hu jidher qed jispara fuq il-moskej ta’ Al Noor u ta’ Linwood — fejn ħalla warajh għadd ta’ vittmi.
Hu anki spara għan-nies li nzerta fit-toroq u li kienu qed jippruvaw jaħarbu mill-moskea ta’ Al Noor.
Il-Prosekutur ewlieni, Barnaby Hawes, intant, qal li Tarrant kien ilu s-snin jifformula l-pjan qattiel. Ingħad ukoll li Tarrant kien qed jaħseb biex jattakka l-moskea ta’ Ashburton f’dak il-jum fatali — iżda spiċċa arrestat qabel seta’ jasal f’dik id-destinazzjoni.
//= $special ?>