Coronavirus Ekonomija Għawdex Kummerċ Lokali Saħħa Turiżmu

“Se nibqgħu naħdmu u noħorġu bil-proposti sabiex ngħinu lit-turiżmu” – PN

“Quddiem iż-żmien ta’ tħassib li qed jaffaċċja t-turiżmu f’pajjiżna, li huwa l-pilastru tal-ekonomija tagħna, se nibqgħu naħdmu u nressqu proposti konkreti sabiex ngħinu lis-settur turistiku għall-ġid ta’ Malta, u se nagħmlu dan ukoll mal-Gvern.”, hekk qal il-Viċi Kap tal-PN Robert Arrigo meta indirizza konferenza dwar l-effett li l-COVID-19 qed iħalli fuq it-turiżmu.

Robert Arrigo qal li x-xhur li għaddew kienu ferm diffiċli għat-turiżmu f’pajjiżna, speċjalment wara d-deċiżjoni tar-Renju Unit u pajjiżi oħrajn ewlenin fl-Ewropa li jdaħħlu restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar minn Malta. Huwa qal li l-PN kompla jiltaqa’ u jaħdem mal-istakeholders kollha f’dan is-settur ewlieni tal-ekonomija tagħna biex iressaq proposti konkreti sabiex mill-Oppożizzjoni jkompli jagħti s-sehem tiegħu lejn dan is-settur li jgħajjex ħafna nies. Robert Arrigo qal li fil-bidu tal-imxija tal-virus f’pajjiżna, l-PN kien ressaq mijiet ta’ proposti, li iżda l-Gvern Laburista għażel li ma jilqagħhomx kollha, għaldaqstant l-Oppożizzjoni Nazzjonalista qed tressaq sett ta’ proposti biex din l-industrija terġa’ tqum fuq saqajha malajr kemm jista’ jkun speċjalment fid-dawl li dan is-settur riesaq lejn l-istaġun tax-xitwa.

Matul il-konferenza tal-aħbarijiet, il-Viċi Kap tal-PN ressaq dawn il-proposti:
•    Għal xahrejn il-kontijiet tad-dawl u l-ilma għandhom ikunu bla ħlas, kemm għar-residenzi kif ukoll għan-negozji. Dan filwaqt li preferibilment għat-tnax-il xahar li ġejjin il-kontijiet ikollhom roħs ta’ 50%.
•    Id-data tal-għeluq tal-vouchers ta’ €100 ikunu estiżi minn Settembru sal-aħħar tas-sena. Dan filwaqt li x-xirjiet mill-ħwienet tal-merċa għandhom ikunu nklużi wkoll ma’ dawn il-vawċers.
•    It-€800 sussidju li ngħata mill-Gvern għandu jiġi estiż sal-31 ta’ Marzu 2021.
•    Kull ħaddiem mal-Gvern fuq bażi ta’ persons of trust jew positions of trust għandhom jaċċettaw tnaqqis fil-paga, mingħajr perks u jagħtu s-somma li tkun twarbet lill-food banks.
•    Hemm bżonn li jiġu żgurati wkoll il-kuntratti preżenti u futuri mal-linji tal-ajru u mat-tour operators barranin li jinsabu fiż-żona l-ħadra.
•    L-Air Malta trid tiġi re-adattata hekk kif pajjiżna qed iħabbat wiċċu mat-tieni mewġa tal-pandemija tal-Covid-19.
•    Estensjoni tal-moratorji tal-banek sal-31 ta’ Marzu 2021.
•    Ir-rati tal-interessi li huma fuq bażi ta’ 0%, lokalment għandhom jinżammu fuq bażi ta’ 1.75%.
•    It-taxxa posposta mħabbra mill-Gvern għandha tiġi mnaqqsa b’50%.
•    Ir-rata tal-VAT għandha tiġi mraħħsa sa massimu ta’ 5% fuq il-firxa kollha.
•    Ir-rata tal-VAT fl-industrija tal-akkomodazzjoni fl-istaġun tax-xitwa tinżel għal 0%.
•    Għandu jiġi introdott passaport tas-saħħa.
•    Kull min jiġi f’pajjiżna kemm mill-ajruport kif ukoll mill-portijiet tagħna għandhom jiġu screened.
•    Il-maskri għandhom jkunu obbligatorji u jintlibsu minn kulħadd u kullimkien.

Samuel Azzopardi qal li kważi nofs il-GDP u 30% tal-ħaddiema tar-reġjun ta’ Għawdex jiddependu fuq it-turiżmu. L-industrija qed taffaċċja diffikultajiet: tnaqqis fl-okkupanza tal-lukandi, tnaqqis sostanzjali fit-turnover tar-ristoranti u catering establishments u l-weekend ta’ Santa Marija ma pparagunax tajjeb ma’ snin preċedenti. Il-qasam tat-taxis u l-kiri tal-karozzi għaddej minn sajf iebes u se jkollhom Settembru b’aktar sfidi. L-Gozo Tourism Association (GTA) qed titlob li minbarra l-liċenzji tal-MTA għandhom jinħafru l-liċenzji tal-REWS (Regulator for Energy and Water Services) u li wkoll titbaxxa r-rata tal-VAT. Fid-dawl ta’ din il-kriżi, Għawdex jeħtieġ għajnuna diretta u konkreta mill-gvern sabiex in-negozji u ħaddiema jsibu futur aħjar jistennihom.

Jerome Caruana Cilia qal li hawn sitwazzjoni fejn teħtieġ l-għajnuna, partikolarment dawk li għandhom self b’lura jew self ġdid. Din il-pandemija wasslet biex dawk l-individwi u intrapriżi li ntlaqtu b’mod qawwi bdew jinkwetaw li mhux se jlaħħqu mal-pagamenti. Il-Gvern, fuq parir tal-Bank Centrali ta’ Malta, ħareġ avviż legali li tikkumplimenta il-gwida mill-Bank Centrali Ewropew, u li tagħti sitt xhur moratorju fuq ħlasijiet lura tas-self. Id-data li wieħed seta’ japplika ġiet estiża sal-aħħar ta’ Settembru. Bħala PN qed inħeġġu lill-gvern biex jagħti l-possibilità lil kulmin ħa moratorju sabiex jestendih għal sitt xhur oħra. Proposta oħra hi dwar self ġdid; sabiex inżidu l-likwidità fis-self jeħtieġ li l-Gvern jestendi ir-rata ta’ interessti fuq perjodu itwal ħalli b’hekk jagħti nifs.

Ivan Bartolo qal li dawn iċ-ċirkustanzi l-aktar li qed jolqtu b’mod negattiv huwa lill-ħaddiema, partikolarment dawk li m’għandhomx paga fissa u jiddependu fuq il-bejgħ biex jitħallsu, għaliex ikunu huma li jerfgħu l-ewwel l-piż ekonomiku ta’ din il-pandemija. Il-gravità tas-sitwazzjoni għadha ma ħarġitx għaliex l-impatt ekonomiku għadu mhux jinħass b’mod immedjat iżda għad irridu naraw l-konsegwenzi negattivi. Jekk il-gvern mhux se jieħu azzjoni konkreta, il-pajjiż se jara l-faqar jiżdied fost il-livelli tas-soċjetà kollha, kif diġà qed naraw mill-istatistika Ewropea li ħarġet ftit tal-jiem ilu.

Din il-konferenza tal-aħbarijiet kienet indirizzata mill-Viċi Kap għall-Affarijiet tal-Partit Robert Arrigo, il-President tar-Reġjun Għawdex Samuel Azzopardi, l-Minority Leader f’Ħal Qormi Jerome Caruana Cilia u l-Minority Leader f’Raħal Ġdid Ivan Bartolo.