Internazzjonali

Stati Uniti: Protesti ġodda f’Wisconsin wara li raġel iswed jaqla’ tiri mingħand il-pulizija

L-Istat ta’ Wisconsin, fl-aħħar sigħat, kien iddominat mill-protesti u inċidenti vjolenti wara inċident fejn il-pulizija spiċċaw jisparaw fuq raġel iswed li ma kienx armat. Dan ukoll fost rapporti li l-uffiċjali tal-liġi kienu qed iwieġbu għal ‘sitwazzjoni domestika’.

Ir-raġel, identifikat bħala Jacob Blake, jinsab l-isptar f’kundizzjoni serja u filmat li qed jiċċirkula fuq l-Internet ‘juri’ sitwazzjoni fejn Blake qed jaqla’ xi tiri f’dahru f’ħin meta hu kien qed jipprova jidħol f’karozza fil-belt ta’ Kenosha.

Intant, l-awtoritajiet f’Kenosha – fil-lejl tal-Ħadd u t-Tnejn – iddikjaraw curfew ta’ emerġenza, fost sensiela ta’ protesti li kienu jinvolvu gruppi kbar ta’ nies li riedu ‘jinfexxu l-għadab tagħhom’ minħabba l-isparatura.

Mijiet ta’ nies, intant, immarċjaw saz-zona tal-kwartieri-ġenerali tal-pulizija f’Kenosha fejn taw in-nar lil diversi vetturi fl-inħawi fost l-għajjat li ‘ħadd ma kien se jagħmel pass lura fiċ-ċirkustanzi’.

Ħareġ ukoll allert għas-sigurtà pubblika, bil-pulizija tħeġġeġ lin-negozji li qed jiftħu għal 24 siegħa kuljum, f’Kenosha, biex jikkunsidraw li jagħlqu f’dawn iċ-ċirkustanzi perikolużi. Dan fost id-diversi rapporti dwar każi ta’ serq armat u inċidenti oħrajn ‘iddominati bl-ispararar’ matul dawn l-aħħar sigħat.

Il-pulizija anki użaw il-gass tad-dmugħ biex jippruvaw iferrxu l-mijiet tad-dimostranti li sfidaw il-curfew.

Il-Gvernatur ta’ Wisconsin, Tony Evers, ikkundanna l-feriment ta’ Jacob Blake u qal li filwaqt li l-awtoritajiet mgħandhomx id-dettalji kollha tal-każ huma mhumiex se jittolleraw sitwazzjonijiet fejn iċ-ċittadini suwed f’dan l-Istat jispiċċaw aggrediti jew maqtula bla ħniena taħt idejn individwi, membri tal-korp tal-pulizija li huma responsabbli mill-infurzar tal-liġi’.

Evers qed jinsisti wkoll biex l-uffiċjali eletti fl-Istat ta’ Wisconsin jieħdu ‘azzjoni f’waqtha’ wara ħafna żmien fejn l-uffiċjali naqsu milli jirrikonoxxu r-razziżmu fl-istess Stat.

L-isem ta’ Jacob Blake qiegħed trending bħala suġġett ewlieni fuq il-media soċjali, b’eluf ta’ nies jiffirmaw petizzjoni li ssejjaħ biex jitressqu l-akkużi formali fil-konfront tal-pulizija nvoluti fl-isparatura.