Victory Kitchen twaqqfet iktar kmieni din is-sena bl-intenzjoni li twassal ikel lill-familji milquta mill-pandemija Covid-19 u lil hinn minnha. Hija organizzazzjoni tal-karità tal-ikel li topera permezz ta’ netwerk ta’ ristoranti lokali, social workers u kumpaniji tal-loġistika. Hija mmexxija minn Rafel
Sammut, li huwa megħjun ukoll minn numru ta’ koki li ngħaqdu flimkien biex jgħinu kemm jista’ jkun nies f’dawn iż-żminijiet diffiċli.
“Ġimgħa biss wara li għalaqna l-bibien tagħna minħabba l-pandemija COVID-19, jien u l-koki tiegħi diġà konna ddejjaqna id-dar,” qal Rafel. “Dakinhar filgħaxija waqt il-konverżazzjoni ta’ kuljum ma’ ħabib tal-qalb tiegħi li jaħdem fl-isptar, qsamna xi ideat u waħda minnhom għoġbitna – Victory Kitchen. L-għada, ipproponejt dan il-kunċett lil ħijja u l-koki kollegi, ir-rispons tagħhom kien inkoraġġanti u b’hekk bdejna bil-għan li nitimgħu familja waħda kuljum.”

“Fl-ewwel erbat ijiem tmajna 16-il familja u fit-tieni ġimgħa tmajna 54 familja. Fi tmiem it-tielet ġimgħa tagħna n-numru tela’ għal 74 familja, bl-għajnuna ta’ tliet koki lokali oħra u ħafna iktar li riedu jinvolvu ruħhom.”
Sal-lum, Victory Kitchen għenet lil 6,621 familja, billi ingħataw aktar minn 19,576 ikla.
Minħabba l-ħtieġa għall-għajnuna, speċjalment matul is-sitwazzjoni attwali, Victory Kitchen ser torganizza avveniment ta’ ġbir ta’ fondi f’Settembru.
“Għandna bżonn ħafna għajnuna biex nilħqu l-għan tagħna, u għalhekk qed norganizzaw avveniment ta’ ġbir ta’ fondi,” qal Rafel. “Dan jinvolvi għawma li tibda miċ-Ċirkewwa, tmur madwar Kemmuna, sa Għawdex u terġa’ lura lejn iċ-Ċirkewwa, li jkopri total ta’ 15.1km. Id-data eżatta u l-post se jiġu
kkonfermati aktar tard, skont il-kundizzjonijiet tat-temp.”
Min jixtieq jgħin, jista’ jieħu sehem billi jagħti donazzjoni ta’ €100. Wieħed jista’ jikkuntattja lil Victory Kitchen permezz ta’ Facebook jew billi jċempel fuq 99906056. Il-fondi se jintużaw biex nitimgħu familji fil-bżonn.
“Hemm eluf ta’ familji li għadhom fil-bżonn. Victory Kitchen permezz tal-ikel umli tagħti tama, fidi, u kuraġġ lil dawk li kieku jibqgħu bil-ġuħ,” qal Rafel.
Nhar it-Tnejn 17 ta ’Awwissu, Rafel, flimkien ma’ Harny Harb, Jean Galea Souchet, Robert Bonello, Zack De Marco u Marko Pavlovic vjaġġaw lejn Bejrut bħala “Team Malta for Beirut”. Huma assistew lill-familji affettwati mit-traġedja riċenti billi preparaw eluf ta’ ikliet u qassmu 1000kg ta’ prodotti.



