Coronavirus Lokali

38 każ pożittiv ġdid fl-aħħar 24 siegħa, ifiqu 52

Il-każi totali jaqbżu l-1,800

L-ammont totali ta’ każi ta’ Coronavirus f’pajjiżna issa tela’ għal 1,810 biż-żieda ta’ 38 każ ġdid li rriżultaw fl-aħħar 24 siegħa.

Min-naħa l-oħra, fortunatament, 52 persuna fiequ mill-virus. Għaldaqstant, meta wieħed jieħu nota ta’ dawn iċ-ċifri u jnaqqas ukoll lill-10 vittmi, isib li l-ammont ta’ każi attivi niżel għal 727.

NET News hu l-uniku li qed jippubblika ċ-ċifri aġġornati kollha, inklużi l-każi li rriżultaw fost l-immigranti irregolari. Dan wara li ftit tal-jiem ilu, il-Prim Ministru Robert Abela ħabbar li dawn ma kienux se jibqgħu jkunu kkalkulati fost iċ-ċifri mħabbra mill-Ministeru tas-Saħħa.

Kif ġara fl-aħħar jiem, iċ-ċifri mħabbra fuq il-Paġna tal-Ministeru fuq Facebook ma tagħtix informazzjoni dwar il-każi tal-aħħar 24 siegħa. Dan hekk kif, fi kliem il-Ministeru, dawn għadhom qed jiġu investigati.

Iżda dwar il-każi mħabbra t-Tnejn sar magħruf li disgħa kienu qraba ta’ każi preċedenti, ħamsa li kellhom kuntatt dirett ma’ każi preċedenti, tmienja li jaħdmu ma’ każi preċedenti, sitta li kienu f’attivitajiet soċjali u tnejn importati. Dawn tal-aħħar huma ż-żewġ nisa li ttestjaw pożittivi wara li sarilhom randhom testing mal-wasla tagħhom f’pajjiżna minn Barċellona.

Hawn wieħed jista’ jinnota wkoll kif il-każi importati s’issa huma aktar minn 10 fil-mija tal-każi totali li laqtu lil pajjiżna minn Marzu ‘l hawn. Dan ikompli jikkonferma t-tħassib ta’ ħafna dwar kif ittieħdu ċerti deċiżjonijiet mill-Gvern ta’ Robert Abela x-xahar li għadda.

Skont l-istatistika ppubblikata mill-Ministeru tas-Saħħa, fl-aħħar 24 siegħa kien innutat ukoll tnaqqis sostanzjali fl-ammont ta’ swab tests li saru. Fil-fatt, meta mqabbel mal-medja ta’ 3,000 test li kienu qed isiru fl-aħħar jiem, l-aħħar aġġornament juri li saru ftit aktar minn 2,000 test … jew tnaqqis ta’ terz.