Sport Sport Ieħor

Andy Murray għeleb lin-numru sebgħa tad-dinja Alexander Zverev

(Ritratt: EPA)

Il-Brittaniku Andy Murray għeleb lin-numru seba’ tad-dinja Alexander Zverev fil-Western and Southern Open. Din hija l-ewwel rebħa tiegħu mill-2017 kontra tennist mill-aqwa għaxra tad-dinja.

It-tennist ta’ 33 sena lagħab l-ewwel logħba tiegħu minn Novembru għax kien imweġġa, bl-iskor ikun 6-3 3-6 u 7-5 biex issa għadda  għat-tielet rawnd.

Murray, li huwa pożizzjonat bħala l-134 fil-klassifika tad-dinja, imissu jilgħab kontra Milos Raonic mill-Kanada. Raonic għeleb lin-numru wieħed fil-Gran Brittanja Dan Evans.

Murray li huwa eks numru wieħed tad-dinja jidher li se jagħmel rimonta biex itejjeb postu fil-klassifika tad-dinja, wara li kien imweġġa kif ukoll ġew posposti diversi turnaments minħabba l-pandemija tal-coronavirus.

In-numru wieħed tad-dinja Novak Djokovic rebaħ 7-6 7-2 6-4 kontra Ricardas Berankis tal-Litwanja minkejja li kellhu uġigħ f’għonqu.