Wara li lbieraħ Net News kien l-ewwel illi żvela l-aħbar li nstabet il-karozza li intużat fid-delitt doppju ta’ Tas-Sliema, illum dan is-sit jinsab f’pożizzjoni illi jikkonferma li l-investigaturi għandhom f’idejhom immaġini pjuttost ċara li turi lit-tliet persuni li daħlu fid-dar ta’ Chris Pandolfino u Ivor Maciejowski eżatt ġimgħa ilu. Dan ir-“ritratt” li għandhom il-Pulizija jista’ jitqies bħala l-akbar pass li għamlu sa issa biex jiġi solvut dan il-każ sensittiv.
L-immaġini inkisbet minn kameras tas-sigurtà, u allura dan ixejjen għal kollox informazzjoni li ħarġet fl-aħħar sigħar rigward apparat li kellhom il-hitmen li kien qed jintuża biex itellef is-CCTV cameras.
L-istess sorsi li tkellmu ma’ Net News ikkonfermaw ukoll li l-karozza tat-tip SUV li kienet użata biex il-qattiela jaħarbu mill-post, ma nstabitx fil-parkeġġ tal-Isptar San Luqa iżda fuq barra tal-binja (ara ritratt isfel). Il-vettura, ta’ lewn abjad, instabet is-Sibt.
Il-pistola li intużat f’dan id-delitt għadha mhix lokalizzata, għalkemm issa ġie stabbilit b’ċertezza li dawk involuti kienu erbgħa u mhux tlieta.

L-istess sorsi mid-Depot qalulna li l-persuni li wettqu dan l-omiċidju doppju kienu “barranin professjonali”, li kienu jafu sew lill-vittmi u li kienu jafu wkoll eżatt x’għandhom jagħmlu f’ħin qasir; b’kollox ħadu biss 4 minuti.
Meta l-Pulizija għamlu rikostruzzjoni tal-fatti kif ġraw, waslu għall-konklużjoni li kien Pandolfino li fetaħ il-bieb meta l-irġiel ħabbtulu. X’ħin daħlu fuqu, hu issielet…iżda kien kollu għalxejn. Sparawlu tliet tiri fid-daħla tar-residenza. Chris Pandolfino miet fil-post.
F’nofs din il-kommossjoni kollha, li seħħet f’leħħa ta’ berqa, Ivor Maciejowski tfaċċa mis-sular ta’ fuq u sab lit-tliet irġiel ma’ wiċċu. Hu inqatel b’tir wieħed f’rasu, bl-aggressuri jaħarbu mal-ewwel mill-post.
Dan is-sit għandu nformazzjoni li matul il-jiem li ġejjin mistennija jkollna aktar żviluppi importanti relatati ma’ dan l-omiċidju, bil-Pulizija tibda ssib tarf ta’ dik li fil-bidu dehret bħala kobba mħabbla.
Dwar dan il-każ għadha għaddeja l-inkjesta immexxija mill-Maġistrat Ian Farrugia.