Lokali

Ħabta bejn żewġ muturi – wieħed jaħrab minn fuq il-post

Ritratt: Mill-Arkivji

Raġel ta’ 43 sena residenti Ħ’Attard ittieħed l-Isptar Mater Dei wara li kien involut f’inċident tat-traffiku f’Santa Venera.

Il-Pulizija qalet li l-inċident seħħ għall-ħabta tat-8p.m. tat-Tnejn fi Triq Reġjonali fil-mini ta’ taħt Santa Venera.

Mill-ewwel stħarriġ tal-Pulizija mid-Distrett tal-Ħamrun jirriżulta li seħħet ħabta bejn mutur Piaggio misjuq mill-vittma u mutur ieħor ta’ għamla mhux magħrufa. Dan tal-aħħar telaq mill-post tal-inċident.

Tim mediku ħa lir-raġel l-Isptar Mater Dei fejn iktar tard kien ċertifikat li qed isofri minn ġrieħi gravi.

Il-Pulizija għaddejja bit-tfittxija għall-mutur l-ieħor li kien involut fil-ħabta.