Lokali Qorti

Iben Salvu Dalli jgħid li ħuh kien jheddu kontinwament

Silvan Dalli, wieħed minn ulied Salvu Dalli ta’ 68 sena, magħruf ukoll bħala d-“Danger Man” mixli bil-qtil ta’ ibnu Antoine Dalli ta’ 37 sena nhar is-7 t’Awwissu li għadda qal huwa ta’ spiss huwa kien jiġi mhedded minn Antoine, tant li kien qed jaħsibha jagħmilx stanga wara l-bieb. Qal ukoll li ħuh kien ilu jabbuża mid-droga minn mindu kien tifel.

Sadanittant Il-Qorti ċaħdet għal darba oħra t-talba tal-akkużat għal-ħelsien mill-arrest. F’digriet tal-Qorti fuq ir-rikors tal-impuat li sar fid-19 t’Awwissu li għadda dan għal darba oħra reġa’ ġie miċħud.

Meta kompliet tinstema’ il-kumpilazzjoni quddiem il-Maġistrat Marseanne Farrugia, ix-xhud ewlieni kien Silvan Dalli, wieħed mit-tfal tal-akkużat u li jiġi ħu l-vittma,

Xehed li dakinhar tal-qtil, Antoine Dalli ċempillu fl-4.0am u talbu l-flus. “Kull darba li jċempel ifisser inkwiet. Pero dakinhar, beda wkoll jheddidni wkoll fuq it-tifel, tant li dakinhar filgħodu mort għand il-Pulizija u għamilt rapport.”

Silvan Dalli qal li ħuħ kellu problema kbira tad-droga, u minkejja li kellu żewġt itfal u sieħba, xorta kien ilu għaddej ibagħti mill-vizzju tad-droga minn żgħir. Tant li beda jabbuża minn meta huwa kellu 14, 15-il sena.

Kompla jgħid li ma kinitx l-ewwel darba li heddu. “Tant kemm hu hekk li aħna konna qegħdin naħsbu biex nagħmlu stanga wara l-bieb, biex ħija ma jidħolx isabbat il-bieb.” Mistoqsi jekk huwa kienx jibża mill-vittma,

“Iva kont nibża minnu xi ftit. Tenna li r-rapport għamlu għax semmielu lil ibnu, pero ma kinitx l-ewwel theddida li għamel fil-konfront tiegħu. Tant li anke kissirlu l-ħġieġ tal-karozza u ċarratlu t-tyres.

Ħu l-vittma saħaq li fil-ħin tal-inċident, waqt li huwa kien qiegħed jaħdem f’ħanut Ħal Safi, missieru ċempel u qallu li kien spara lil ħuh, imma ma kienx ċert jekk kienx ħaj jew le.

“Meta ħija ma kienx jirkbu l-vizzju tad-droga, kien raġel ta’ vera, raġel tad-deheb. Bid-droga iżda, kien jinbidel kompletament. Dan l-aħħar niżel sa ċertu livell,. Meta kont nitkellem ma’ tal-familja, konna naqbluli mhix ħa jerġa jiġi lura kif kien qabel ma kien waqa f’dak l-istat.”

Minkejja kollox Silvan Dalli ammetta li huwa daq it-tajjeb tiegħu, u kif ukoll il-ħażin tiegħu u li kulħadd kien se jimmisjah. Qabel xehdet ukoll Suzanna Blanchard, Ingliża residenti Birżebbugia, li qalet kif hija rat lill-vittma jasal fid-dar dakinhar talqtil.

Qalet li kienet hemm għall-ħabta tal-10:45am, flimkien ma’ binha ta’ 14-il sena, peress li kellha appuntament ġewwa l-Ispiżerija St Philips, meta raġel li kien għaddej bir-rota, jieqaf quddiem dar u jarmi l-istess rota.

Hija ddeskriviet lir-raġel li deher kien mgħaġġel ħafna, tant li x’ħin lesta mir-rota, qabad u daħal fid-dar mingħajr ma sellem lil-ħadd. Ftit tal-ħin wara, hija u dieħla ġewwa l-imsemmija spiżerija, semgħet ħoss li bħalu qatt ma kienet semgħet.

Tennieni li kien ħoss li jirbombja ħafna, qisu xi ħaġa tal-metall tqila li nstabtet. Ħasset iżda li din setgħet kienet sparatura. Blanchard qalet li hija u dieħla ġewwa l-ispiżerija, semgħet għajjat minn raġel li m’għarfitx, għax kien minn ġewwa propjeta, liema għajjat kien qisu ta’raġel muġugħ, pero fl-istess ħin rrabbjat ukoll.

Blanchard kompliet tgħid li hija ma rat lil ħadd iktar jidħol fir-residenza dak il-ħin, u ma semgħet l-ebda diskors li ntqal qabel l-isparatura.

L-Ispetturi Keith Arnaud u Roderick Attard qegħdin imexxu l-Prosekuzzjoni. L-avukati Lennox Vella u Marisa Mifsud qegħdin jidhru bħala avukati difensuri għal Dalli. L-Avukati Kathleen Grima, Franco Debono u Francesca Zarb qegħdin jidhru bħala avukati parte civile.