Coronavirus Ekonomija Kummerċ Lokali

Il-Bank Ċentrali jagħti xenarju ekonomiku agħar minn dak li kien imbassar

L‑aħħar rapport ippubblikat mill-Bank Ċentrali ta’ Malta jindika li l‑ekonomija Maltija se tkun irreġistrat tnaqqis bla preċedent fit‑tieni kwart tal‑2020, għalkemm hemm sinjali ta’ xi stabbilizzazzjoni fit‑tielet trimestru. Madankollu, il‑Bank Ċentrali ta’ Malta jistenna li l‑Prodott Domestiku Gross (GDP) ta’ Malta se jonqos b’6.6% fl‑2020.

Sussegwentement, il‑GDP għandu jikber b’madwar 6.1% u 4.2% fis‑sentejn ta’ wara. Filwaqt li dan it‑tbassir hu ferm aħjar minn dak għal pajjiżi oħra fiż‑żona tal‑euro, il‑livell tal-attività ekonomika f’Malta hu mistenni li jkun madwar 7% inqas fl‑2022 meta mqabbel mat‑tbassir li kien sar qabel l‑imxija tal‑COVID‑19.

Fil‑fatt, il‑GDP ta’ Malta għandu sa nofs l‑2022 sabiex jirritorna għal‑livelli tal‑2019. Meta mqabbel mat‑tbassir preċedenti tal‑Bank, it‑tkabbir fil‑GDP ġie rivedut ’l isfel fl‑2020 minħabba esportazzjoni aktar dgħajfa tat‑turiżmu.

Din ir-reviżjoni għelbet impatt pożittiv aktar b’saħħtu mill‑miżuri fiskali, wara t-tħabbir ta’ miżuri ġodda f’Ġunju. Il‑miżuri fiskali u ta’ likwidità tal‑Gvern huma stmati li jagħtu spinta ta’ tliet punti perċentwali lill‑GDP, u jnaqqsu t‑tnaqqis fil‑GDP b’terz. L‑akbar kontributur għat‑tnaqqis mistenni fil‑GDP fl‑2020 hija l‑esportazzjoni netta minħabba l-aspettazzjoni ta’ tnaqqis fid‑domanda barranija, restrizzjonijiet fuq attivitajiet relatati ma’ vjaġġar u diffikultajiet fil‑provvista globali.

Madankollu, id‑domanda domestika hija wkoll mistennija li tikkontribwixxi b’mod negattiv, hekk kif tħassru diversi attivitajiet matul is‑sena u żdiedet l‑inċertezza, u dan hu mistenni li jħalli impatt negattiv fuq il‑konsum u l‑investiment privat. Kważi s‑setturi kollha huma mistennija li jkunu affettwati negattivament mill‑pandemija u l‑miżuri assoċjati ta’ trażżin, iżda s-settur tal‑akkomodazzjoni u s‑servizzi tal-ikel, it‑trasport u l‑ħażna, u dak tal‑bejgħ bl‑ingrossa u bl‑imnut, huma mistennija li jkunu l‑agħar milquta.

Il‑finanzi pubbliċi mistennija li jiddeterjoraw fl‑2020 minħabba t‑tnaqqis previst fl‑attività ekonomika u l‑introduzzjoni tal‑miżuri ta’ sapport relatati mal‑Covid‑19. Il‑bilanċ tal‑gvern mistenni li jkun f’defiċit ta’ 8.6%.