Internazzjonali

Il-Gwerra tal-Bosnja: Ratko Mladic jappella mill-kundanna għal ġenoċidju u reati kontra l-bniedem

Ratko Mladic, l-eks Kmandant tal-qawwiet Serbi tal-Bosnja, qed jappella kontra l-kundanna tiegħu bħala protagonista fil-ġenoċidju u reati kontra l-bniedem li karratterizzaw il-konflitt tas-snin disgħin fil-Bosnia-Erżegovina. L-appell qed jinstama’ quddiem it-Tribunal tan-Nazzjonijiet Uniti f’The Hague ( fl-Olanda) u jekk jitlef l-appell, Mladic, li għandu 78 sena, għandu jiskonta l-ħabs għall-bqija ta’ ħajtu.

Is-smigħ f’The Hague – imqassam fuq jumejn – seta’ jibda wara li kien pospost diversi drabi minħabba l-problemi tas-saħħa ta’ Mladic u l-effetti tal-pandemija tal-coronavirus.

Il-Ġeneral Mladic – magħruf bħala ‘il-Bojja tal-Bosnja’ — kien mexxa lill-qawwiet Serb i-Bosnijaċi waqt il-massakru tal-Musulmani Bosnijaċi fil-bidu tad-disgħinijiet.

Qabel ikkundannatu l-ħabs għal għomru f’Novembru tal-2017, it-Tribunal f’The Hague ikkonferma li Mladic ‘ikkontribwixxa b’mod sinifikanti’ għall-ġenoċidju tal-1995 fi Srebrenica meta ‘il fuq minn 7,000 irġiel u subien Bosnijaċi sfaw maqtula b’mod sistematiku fl-agħar atroċità li seħħet fl-Ewropa mit-Tieni Gwerrra Dinjija ‘il hawn. L-akkużi l-oħra kienu jinkludu reati tal-gwerra u reati kontra l-umanità.

Fil-bidu tas-sessjoni f’The Hague, l-avukati tal-Ġeneral qalu lill-qorti li l-proċeduri ‘ma messhomx ikomplu’ sakemm it-tobba setgħu janalizzaw il-kapaċità tal-klijent tagħhom biex jieħu sehem.

Intant, Mladic, ‘il quddiem, għandu jindirizza lit-Tribunal għal għaxar minuti  u meta s-sehem ta’ ħafna mill-imħallfin fil-proċess qed jibbaża fuq sistema ta’ video-link.

Filwaqt li Mladic kien oriġinarjament ikkundannat dwar għaxar għaddi ta’ akkuża, il-prosekuturi qed jgħidu li hu, suppost, li jinstab ħati wkoll dwar ġenoċidju kontra l-Bosnijaċi u l-Kroati li jmur lura għall-1992.

Is-smigħ preżenti hu l-aħħar ċans għal Mladic biex jirbaħ lura l-libertà u l-qraba tal-vittmi tiegħu, bħalissa, qed jittamaw fl-appell tal-Prosekuzzjoni li qed tgħid li l-verdett ta’ kundanna tal-2017 ma rikonoxxiex ‘il-vera skala tal-intenzjonijiet għal ġenoċidju ( min-naħa ta’ Mladic) ‘il hinn minn Srebrenica.’

Fil-fatt, il-Prosekuzzjoni qed tipprova tenfasizza l-aġir qattiel ta’ Mladic   f’muniċipalitajiet oħra tal-Bosnja matul id-disgħinijiet, fejn il-qawwiet tiegħu kienu akkużati dwar kampanja ta’ tindif etniku  (bil-Musulmani Bosnijaċi bħala vittmi) bil-għan li joħolqu ‘Repubblika Akbar tas-Serbi’.