Internazzjonali

Il-Konvenzjoni tar-Repubblikani fl-Istati Uniti: Donald Trump iwissi dwar ‘elezzjoni għall-Presidenza manipulata’

Il-President Amerikan Donald Trump wissa lill-partitarji tal-Partit Repubblikan fil-Gvern li l-avversarji politiċi tagħhom jistgħu jagħmlu minn kollox biex ‘jisirqu u jimmanipulaw’ l-elezzjoni tat-3 ta’ Novembru li tiddeċiedi min se jmexxi lill-Istati Uniti għall-erba’ snin ta’ wara.

Sigħat wara li l-Partit Repubblikan ikkonferma lil Trump bħala l-kandidat tiegħu f’din l-elezzjoni, il-President – li kien qed jitkellem waqt il-Konvenzjoni Repubblikana f’North Carolina – sostna li ‘l-avversarji (b’referenza għall-Partit Demokratiku u l-alleati tiegħu) qed jippruvaw jiffrodaw lill-poplu Amerikan bl-iskuża tal-Covid-19’.

Donald Trump, fl-istess ħin, irrepeta l-akkużi li l-ballottaġġ bil-posta kapaċi jwassal għal frodi u manipulazzjoni minn segmenti tal-elettorat. Dan meta l-aħħar stħarriġ tal-opinjoni pubblika jindika li Donald Trump jeħtieġ jegħleb żvantaġġ ma’ Joe Biden, l-eks Viċi-President Amerikan u r-rivali dirett għall-White House li qed jikkuntesta għan-nom tad-Demokratiċi.

Meta kellem lid-delegati f’North Carolina, Trump issuġġerixxa li spinta bla preċedent fil-postal voting ( tfigħ ta’ voti bil-posta) kapaċi twassal għal tbagħbis ġenerali fil-proċess anki jekk l-esperti u l-uffiċjali nkarigati mill-votazzjoni qed jgħidu li ‘din hi teorija falza u li ma tagħmilx sens’.

Trump, fl-2016, ukoll kien wissa dwar ‘elezzjoni manipulata’ fi żmien meta Hillary Clinton, il-kandidat tal-Partit Demokratiku, kellha vantaġġ sinifikanti fl-istħarriġ popolari. Intant, Trump u Clinton kienu spiċċaw kważi ras-imb-ras fl-istħarriġ sa lejliet dik l-elezzjoni għall-Presidenza – bi Trump, imbagħad, joħroġ rebbieħ kważi kontra kull mistenni.

Donald Trump, matul il-lejl tat-Tnejn u t-Tlieta, kien innominat uffiċjalment bħala l-kandidat li se jisfida mill-ġdid għall-White House waqt il-bidu tal-Konvenzjoni tal-Partit Repubblikan, fil-belt ta’ Charlotte.

Minkejja l-limitazzjonijiet għall-avveniment minħabba t-theddida tal-Covid-19, is-sostenituri tiegħu, fil-ħin tal-konferma, ingħaqdu f’dimostrazzjoni ta’ entużjażmu fost għajjat ta’ ‘erba snin oħra (ta’ poter għal Trump)’.

Il-President Amerikan qed jagħmel numru ta’ diskorsi waqt xandiriet diretti lin-nazzjon f’kull ġurnata tal-Konvenzjoni. Hu, ‘il quddiem, irid jikkonkludi l-avveniment b’diskors finali li jikkonferma li, mill-ġdid, qed jaċċetta n-nomina ta’ kandidat tal-Partit għall-ogħla kariga nazzjonali.