Lokali

Il-Kummisarju jikkonferma li r-raġel arrestat huwa suspettat fil-qtil doppju ta’ Tas Sliema

F’konferenza tal-aħbarijiet li ngħatat aktar kmieni llejla, il-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafa kkonferma li r-raġel arrestat minn residenza fi Triq San Franġisk fil-Floriana aktar kmieni waranofsinhar hu suspettat fil-qtil doppju ta’ Chris Pandolfino u Ivor Maciejowski, għalkemm ma tax konferma tal-identità tar-raġel.

L-arrest tas-suspettat fil-qtil doppju ta’ Tas Sliema

Il-Kummissarju qal li r-raġel arrestat kien waqaf imur jiffirma fl-Għassa tal-Pulizija, kif kien mistenni minnu, hekk kif instabet il-vettura li kienet intużat biex l-aggressuri ħarbu minn Tas-Sliema.

Angelo Gafa spjega li fid-delitt tat-Tlieta kienu sparati sitt tiri minn pistola 9mm li erba’ minnhom laqtu lil Chris Pandolfino, waħda kienet sparata dritt f’ras Ivor Maciejowski, u tir ieħor ma laqat lil ħadd.

Il-vittmi Chris Pandolfino u Ivor Maciejowski

Il-Kummissarju kkonferma wkoll li l-vettura li nutaż biex biha ħarbu l-aggressuri nstabet f’parkeġġ ta’ kumpanija tal-irmunkar fi Gwardamangia, u mhux fil-parkeġġ tal-isptar kif irrapporta l-istazzjon Nazzjonali.

Fil-vettura tat-tip Volkswagen Tiguan bajda, nstabu xi ħwejjeġ, oġġetti li ttieħdu minn tas-Sliema, pjanċi li l-vettura kellha dakinhar tad-delitt, kif ukoll żewġ repliki ta’ armi tan-nar AK47 u Thompson.

Intant iż-żewġ persuni l-oħra involuti fil-qtil kif ukoll ir-raba’ persuna li allegatament saqet l-SUV misruqa biex ħarbu mill-post, għadhom mhux miżmuma mill-Pulizija.

Fi kliem il-Kummissarju tal-Pulizija, sa issa dan id-delitt doppju qed jitqies bħala każ marbut ma’ serqa għaliex insteraq xi dehe minn fuq iż-żewġ vittmi. Imsejsu fuq din l-informazzjoni, sa issa l-Pulizija għadha qed tqis li l-mottiv oriġinali tal-aggressuri kien serq.

Madankollu sorsi qrib l-investigaturi qed jibqgħu jinsistu magħna li s-serqa kienet “sekondarja”, u l-veru mottiv wara dak li seħħ il-ġimgħa li għaddiet kien delitt pjanat sal-inqas dettall.

Esperti forensiċi qed jinsistu li l-ħin kemm damu ġewwa l-aggressuri, u l-fatt li huma baqgħu jistennew lil Pandolfino jidħol lura d-dar, juru biċ-ċar li l-aggressuri daħlu speċifikament biex joqtlu u mhux biex jisirqu. Għalkemm sa dan il-punt,  skont is-sorsi tagħna “il-Kummissarju bilfors irid jimxi fuq it-teżi ta’ serqa minħabba raġunijiet ovji”, mingħajr ma speċifikaw x’kienu dawn ir-raġunijiet.

Ir-residenza ta’ Chris Pandolfino fi Triq Locker, Tas Sliema

Kieku veru l-aggressuri riedu jisirqu kienu jieħdu oġġetti mid-dar li huma ta’ valuri għoli. Fuq ġewwa, kif ikkonfermajna fl-aħħar jiem, ma kien hemm ebda taqlib. Bit-tliet irġiel idumu biss 4 minuti sakemm qatlu lil Pandolfino u lil Maciejowski biex mal-ewwel ħarbu mill-post bil-vettura Volkswagen.