Coronavirus Edukazzjoni Lokali Saħħa

Il-WHO twissi dwar il-ftuħ tal-iskejjel…il-Ministru se jibqa’ għaddej

Il-ftuħ tal-iskejjel akkost ta’ kollox… meta l-pandemija għadha mhix taħt kontroll… tkun mossa riskjuża.

Hekk kienet qaltilna id-Direttriċi tad-WHO Natasha Azzopardi Muscat ftit tal-jiem ilu f’intervista ma’ Net News

Meta tiġi biex tiftaħ l-iskejjel importanti li jkollok ċertu stagerring u jkollok it-trasmissjoni fil-komunità li tkun taħt kontroll. Jekk inti tipprova tiftaħ l-iskejjel f’sitwazzjoni meta t-trasmissjoni fil-komunità tkun qawwija huwa riskjuż ħafna. Inti trid tistenna li s-sitwazzjoni fil-komunità tkun taħt kontroll u tibda pjan bil-għaqal bil-mod.

Ghalhekk, stawsejna lill-Ministru tal-Edukazzjon jekk il-Gvern għandux limitu li ma jistax jinqabeż f’dawk li huma każijiet f’pajjiżna biex il-ftuħ tal-iskejjel ma jkunx wieħed riskjuż, bil-Ministru Owen Bonnici ma jweġibx, u minflok jgħid biss li l-iskejjel se jiftħu.

Qed jitfasslu l-linji gwida biex iserrħu moħħ il-ġenituri dwar il-protokolli li se jkun hemm hekk kif jiftħu l-iskejjel fit-28 ta’ Settembru li ġej

Il-Ministru tal-Edukazzjoni ħmistax ilu qalilna li l-linji-gwida għall-ftuħ tal-iskejjel huma lesti u qed jiġu diskussi mal-istakeholders kollha. Issa, ġimgħatejn wara…  qed jgħidilna li ghadhom qed jitfasslu dawn il-linji gwida…biex imbagħad jiġu diskussi mal-istakeholders.

“Mela bħalissa qed jiġu mfassla l-linji gwida flimkien mal-awtoritajiet tas-saħħa pubblika. Kif jiġu konklużi dawn il-linji gwida, se jibda’ proċess ta’ konsultazzjoni mal-istakeholders ewlenin”

Staqsejna lill-Ministru responsabbli jekk fil-klassijiet hux se jkunu qed jinżammu d-distanzi soċjali, kif wera hu stess ftit tal-jiem ilu fuq il-media soċjali tiegħu. Madankollu, anke hawn, ma tax konferma ta’ dan.

Ġenituri ta’ tfal vulnerabbli għadhom imħassba hekk kif l-uniku soluzzjoni li sa issa offra l-Gvern hi li dawn it-tfal jinżammu d-dar. Dan minkejja li l-pjan jidher li hu li t-tfal l-oħra jattendu l-iskola fiżikament.

Intant, fil-pajjiż qed jiżviluppaw pożizzjonijet konflinġenti dwar il-ftuħ tal-iskejjel, bil-union tal-Infermiera tisħaq li l-iskejjel iridu jiftħu u takkuża lill-għalliema li jridu joqgħdu d-dar, filwaqt li l-Unions tal-Għalliema qed jinsistu li jekk il-każi jkomplu jiżdiedu bir-rata ta’ bħalissa, il-ftuħ tal-skejjel ikun żball kbir.