Sport Waterpolo

Illejla jitkompla l-Kampjonat tal-Waterpolo

(Ritratt: Catriel Farrugia)

Illejla jitkompla l-Kampjonat tal-Waterpolo tal-Irġiel wara li kellu jieqaf għal kważi ġimgħatejn wara li plejer ta’ San Ġiljan instab pożittiv għall-coronavirus ftit qabel il-partita kontra Birżebbugia fit-12 ta’ Awissu. Dakinhar l-ASA ħadet id-deċiżjoni li din il-partita tiġi posposta u jiġu posposti temporanjament il-Kampjonati kollha tal-waterpolo.

Fl-aħħar jiem l-ASA ħabbret ukoll li wara li kien hemm plejer ieħor pożittiv għall-coronavirus hi kienet b’mod immedjat li tissospendi wkoll b’mod temporanju l-Kampjonat tan-Nisa filwaqt li daw ta’ taħt is-17 u l-15 –il sena kienu se jiġu posposti indefinittivament.

Minħabba li l-iskeda tal-partiti tħarbtet xi ftit, l-ASA ħabbret li wara li jsiru l-partiti tal-Cross Overs, il-Kampjonat Premier se jkun maqsum fi tnejn u se jkun fuq rawnd wieħed filwaqt li dak tal-Ewwel Diviżjoni l-ħames timijiet ukoll se jilgħabu rawnd wieħed. Fil-fażi tal-Play-Offs, l-ewwel żewġ timijiet fil-Kampjonat Premier jgħaddu għas-semifinali bil-partiti kolha se jibdew 0-0 filwaqt li min itemm l-ewwel fl-Ewwel Diviżjoni se jilgħab mal-ewwel fil-finali.

Il-partiti kollha ser jixxandru fuq il-paġna ta’ Facbook tal-programm Man Up+, bil-partita ta’ għada bejn Neptunes u Sliema se tixxandar fuq Net Television ukoll.

Waterpolo

Logħob li jmiss: Illejla: B’Bugia v Exiles  6.15pm, Valletta v M’Skala 7.20pm, Għada: San Ġiljan v Sirens 7.05pm, Neptunes v Sliema 8.10 pm