Lokali

“Jekk iridu jagħlquli ħalqi, sejrin żball” – Peppi Azzopardi

“Ma nafx jekk il-programm twaqqaf sabiex ipoġġu sarima ma’ ħalqi, imma jekk dan hu l-każ, mhux se jirnexxielhom u nissuġġerilhom lanqas biss jipprovaw.” Kliem Peppi Azzopardi, preżentatur ta’ Xarabank… il-programm televiziv li fl-aħħar jiem twaqqaf mill-istazzjon nazzjonali wara 23 sena ta’ xandir.

F’intervista waqt il-programm Magħkom, Peppi Azzopardi qal li ma jafx għalxiex twaqqaf il-programm. Qal li fin-negozjati mat-tmexxija tal-PBS dwar diversi programmi li tipproduċi l-kumpannija li Peppi jagħmel parti minnha, huma kienu informati li Xarabank ma jriduhx iktar. Dan minkejja li l-aħħar stħarriġ tal-Awtorita’ tax-Xandir inqas minn xahar ilu ikkonferma li Xarabank hu l-iktar programm segwit minn fost il-programmi kollha u l-istazzjonijiet kollha.

Mistoqsi dwar jekk hux se jkompli Xarabank, Azzopardi wieġeb li għalissa mhux se jieħu deċiżjoni, għalkemm meta kien qed iwieġeb mistoqsija oħra, hu semma li l-internet joffri alternattiva għal stazzjonijiet tat-televiżjoni fejn tista’ tilħaq udjenzi kbar.

Kompla li l-informazzjoni hi d-dritt tal-pubbliku u l-media hi fid-dmir li tistaqsi u tikxef dak li qed jinħeba.

Peppi Azzopardi jittama li programmi oħrajn isegwu fuq il-passi ta’ Xarabank li tul is-snin għen mijiet ta’ persuni li kienu qed jgħaddu minn xi diffikulta’ jew oħra f’ħajjithom. Kemm direttament meta wassal l-istorja ta’ individwi kif ukoll permezz ta’ diversi programmi li fihom inġabru miljuni b’risq għaqdiet li jaħdmu f’diversi oqsma biex jgħinu lil min qed ibati.

Fuq livell personali, Peppi Azzopardi qal li għaddej minn emozzjonijiet imħallta. Fuq naħa, sensazzjoni ta’ ċertu mistrieħ li m’għandux iktar l-istress li jtella’ programm ta’ kull nhar ta’ Ġimgħa. Iżda dan ma jħassarx il-weġgħa li l-programm twaqqaf kiesaħ u biered.