Lokali

L-elezzjoni għal Kap tal-PN se tkun imqassma fuq sitt ijiem

L-elezzjoni għal Kap tal-Partit Nazzjonalista se tkun imqassma fuq sitt ijiem f’diversi postijiet madwar Malta u Għawdex. B’hekk, l-eluf ta’ Tesserati eliġibbli jkunu mifruxa u jkunu evitati rases f’post wieħed.

Dan ħabbru ċ-Chairman tal-Kummissjoni Elettorali Peter Fenech, waqt intervent fil-programm Indepth fuq NET FM, fejn spjega wkoll li l-proċess kollu se jsegwi l-istruzzjonijiet li qed joħorġu minn żmien għall-ieħor mill-Awtoritajiet tas-Saħħa.

Peter Fenech spjega li d-data finali għadha ma ġietx stabbilita minħabba li għadu għaddej il-proċess ta’ skrutinju. Fil-fatt, hu biss fi tmiem dan il-proċess, li jkun possibbli għall-Kummissjoni tħabbar id-data tal-votazzjoni.

Madankollu, spjega li l-Kummissjoni diġà qablet li l-Votazzjoni Bikrija ssir l-Erbgħa u l-Ħamis tal-ġimgħa ta’ qabel, filwaqt li l-Votazzjoni propja tinqasam fuq erbat ijiem – bejn l-Erbgħa u s-Sibt.

S’issa l-Kummissjoni diġà identifikat 12-il Każin f’Malta u lis-Sub-Headquarters f’Ta’ Sannat. Iżda din il-lista taf tinbidel, ladarba l-Kummissjoni Elettorali jkollha l-lista finali tat-Tesserati, li mbagħad jitqassmu fost il-Każini rispettivi.

Meta joqrob aktar iż-żmien, dan kollu se jkun spjegat f’ittra li kull Tesserat eliġibbli se jkun qed jirċievi mill-Partit Nazzjonalista. Fiha, se jkun indikat il-post fejn wieħed għandu jmur jivvota, kif ukoll il-proċedura li se tkun qed tintuża’.

Peter Fenech qal li l-Kummissjoni għadha qed tiddiskuti l-possibbiltà li Maltin li jkunu Għawdex f’dawk il-jiem ikunu jistgħu jivvutaw fis-Sub-Headquarters f’Ta’ Sannat, filwaqt li l-Għawdxin li jkunu Malta jkunu jistgħu jivvutaw fid-Dar Ċentrali. Madankollu, id-deċiżjoni finali għadha ma tteħditx, għalkemm il-Kummissjoni mistennija taċċetta dawn it-talbiet ladarba ssir talba bil-miktub minn dawk li jkollhom din il-ħtieġa.

Kompla billi spjega li f’dawn il-jiem il-ħaddiema tal-Partit qed jibgħatu SMS lil dawk li ġibtu l-attenzjoni li seta’ kellhom problema bit-Tessera u l-eliġibbiltà tagħhom. Barra minhekk, issa qed jibda jsir kuntatt ukoll ma’ min m’għandux it-Tessera tiegħu mġedda, fosthom anke min għadu ma ħallasx is-sħubija ta’ din is-sena.

Sadanittant, f’dawn il-jiem ukoll, iż-żewġ persuni li esprimew interess fit-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista – Adrian Delia u Bernard Grech – għaddejjin minn proċess biex ikunu assessjati dwar kemm huma idonei għal din il-kariga.

Minbarra fl-aspett finanzjarju, dan il-proċess qed isir ukoll f’forma ta’ intervista, bl-għan li jkun ċar min huma verament iż-żewġ persuni.